Il-Partit Nazzjonalista mhux se jkun qed jtella’ l-mass meeting li jimmarka l-festi tal-Indipendenza.
Żvelat dan il-gazzetta MaltaToday hekk kif spjegat li l-festa li timmarka appuntament anwali tant importanti għal Partit Nazzjonalista, se tkun iċċelebrata fuq livell aktar żgħir.
Fil-fatt, ikkonferma dan uffiċjal tal-Partit Nazzjonalista mal-istess gazzetta hekk kif spjega li l-attivitajiet ta’ din is-sena, b’differenza għan-norma, mhux se jsiru lanqas fuq il-Fosos tal-Furjana.
Dan filwaqt li l-Kumitati Reġjonali u Sezzjonali tal-istess Partit, għall-kuntrarju ta’ dak li kien jiġri fil-passat, lanqas se jitħallew jarmaw stands tal-ikel u affarijiet oħra sabiex ikunu jistgħu jiġbru l-flus.
Din l-aħbar tkompli tikkonferma l-apatija kbira li qed tiddomina taħt il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech, fid-Dar Ċentrali, hekk kif għal darb’oħra l-festa tal-Indipendenza qed tiddomina bħala sors ta’ aħbarijiet ħżiena għall-istess Partit Nazzjonlista.
L-aħħar attivitajiet tal-Indipendenza ċċelebrati b’mod sħiħ mill-Partit Nazzjonalista jmorru saħansitra lura għal żmien l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia fl-2018.
Hemmhekk ukoll iddominaw l-aħbarijiet għall-attendenza fjakka mill-partitarji Nazzjonalisti u l-firdiet bejn l-esponenti tal-istess partit.
Propju fl-attivitajiet ta’ sena ilu wkoll inqala l-inkwiet hekk kif show of force mill-fazzjoni tal-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia kompliet tikkonferma l-firda li tiddomina f’Tal-Pietà.
Dakinhar nies qrib l-eks Kap Nazzjonalista Adrian nġabru lebsin flokk bil-kliem “Team Adrian Delia” u ntefgħu lura fuq il-Fosos, f’xi waqtiet anki jibbujaw waqt id-diskors tal-Kap Bernard Grech.
Saħansitra meta beda jitkellem Grech, ma ħarrkux idejhom u ma ċapċpux. Dan filwaqt li anki bdew jgħaddu kummenti waqt diskorsi oħra ta’ qabel il-Kap.
Uħud minn ta’ Delia wkoll bdew jgħajtu li Adrian Delia għadu l-Kap tal-partit u fakkru fil-mod kif sentejn ilu, iż-żiemel tagħhom tneħħa biex tpoġġa Bernard Grech.
Propju wara dan l-episodju, reġgħet għolliet rasha l-fazzjoni tal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil, u nies qrib il-Kap, li t-tnejn esprimew ir-rabja tagħhom għax-show of force ta’ Delia.
Fil-fatt, ftit jiem wara is-sit Lovin Malta, li kien immexxi minn Chris Peregin, dakinar strateġista ta’ Bernard Grech, ippubblika artiklu li fih reġa’ ġie allegat li Adrian Delia kien imur jittallab għall-flus għand Yorgen Fenech, illum l-allegat mandant tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.