It-team nazzjonali malti tal-waterpolo ta’ taħt is-16-il sena temm l-impenji tiegħu fil-kampjonati tad-dinja fit-tnax-il post hekk kif illum tilef kontra l-Brażil bl-iskor ta’ 9-7 fl-aħħar logħba tal-klassifikazzjoni.
Minkejja t-telfa, t-team malti immexxi minn Anthony Farrugia, kellu wirja tajba u f’xi ħin kien sahansitra 7-7 u b’ċans li jirbaħ il-logħba.
Il-Brażil rebħu l-ewwel sessjoni 5-2 bil-maltin jirreaġixxu u jirbħu t-tieni sessjoni 2-1.
It-team malti kompla jagħfas fit-tielet sessjoni. Sessjoni li rebaħ 2-0. I’da l-avversarji żiedu r-ritmu fl-aħħar hekk kif rebħu 3-1.
L-iskorers għal Malta kienu Zak Cutajar Licari u Jayden Cutajar b’żewġ goals kull wieħed flimkien ma’ Luigi Dimech, Dean Buġeja u Elijah Schembri li skurjaw goal personali.
B’hekk Malta temmet fit-12-il post minn total ta’ 25 pajjiż f’dan il-kampjonat tad-dinja li kien qed isir f’Volos fil-Greċja.