Xtraha 49 sena ilu għal tletin lira; illum il-ġurnata hi imprezzabbli. Madwar ħamsin sena ilu, Joseph Cucciardi ra karozza antika f’garaxx ta’ ħabib tiegħu u ddeċieda li jixtriha u jirrestawraha.
Dak iż-żmien kienu jidħqu meta jarawh b’din il-karozza, iżda llum kulħadd jaffaxxina ruħu meta jaraha.
Qal, “Meta toħroġ fit-triq, kemm kemm ma kinux jgħidulek ‘Charlie Chaplin’ dak iż-żmien. Imma llum ma tista’ tieqaf imkien: ‘Kemm ilha għandek? Kemm għandha żmien?’”
Din il-karozza, tal-marka Moris Minor, ħarġet bejn is-sena 1929 u 1931. Hi bla saqaf u 4-seater. Ġew immanifatturati biss 186 vettura ta’ din ix-xorta.
Din il-karozza kienet l-ewwel karozza klassika li xtara u minn hemm bdiet in-namra tiegħu lejn dawn il-vetturi.
Skont il-klabb tal-karozzi antiki, din il-karozza hi l-unika waħda f’pajjiżna ta’ din ix-xorta, filwaqt li fl-Ewropa hawn biss sitta. Din il-karozza għadha bil-magna oriġinali.
Hu kien ħeba l-karozza minn missieru għax kien qallu li qed jaħli flusu.
Qal, “Kont xtrajtha, għandi l-irċevuta, tletin lira Maltin, kif kienet u missieri qalli, ‘Fuq xiex qed tonfoq il-flus?’”
Barra minn hekk, waqt iż-żmien tal-pandemija, hu għamel replika tal-kewkba ta’ din il-karozza.
B’emozzjoni, Cucciardi qal li meta għaddew is-snin, missieru bidel fehmtu u ħeġġu biex il-karozza ma jbigħhiex.
Qal, “U, kemm-il darba qalli wara, snin wara, ‘Ara ma tbigħx dik il-karozza.’”