Kyle Zarb huwa ġurnalist, animatur u kantant lokali ta’ 27 sena. Beda jkanta fl-età ta’ 17-il sena, wara ħafna snin jixtieq li jibda din il-karriera. Il-kantant jgħid li ma kinitx faċli meta kien iżgħar li jemmen fih innifsu u jaħdem fuq dan it-talent.
“Niftakar jien u sejjer għall-ewwel lezzjoni, elf ħsieb għadda minn moħħi. Li ser naqa’ għaċ-ċajt, jew li qisni ser nagħmel xi żball.”
Kyle tgħallem iktar dwaru nnifsu bħala artist u kantant f’għaxar snin ta’ inżul u tlajja’, kif ukoll dwar ix-xena tal-ispettaklu.
“Firelight tgħid l-istorja tiegħi u ta’ ħafna. Fil-fatt il-messaġġ tal-kanzunetta jaqbel ħafna ma’ dak li għaddejt minnu fejn jidħol kant per eżempju. Kemm-il darba ġejt f’pożizzjoni minħabba ċirkostanzi diversi fejn waqaft mill-kant. Iżda għall-grazzja tal-Bambin, xi ħaġa dejjem imbuttatni biex nerġa’ nkompli.”
Il-kanzunetta Firelight tibda biex titkellem dwar sentiment ta’ biża’ u ansjeta fil-versi, iżda fir-ritornell tilħaq punt fejn dak li jkun iqum u jibda jiġġieled kontra dak li jipprova jkissirna.
“Apparti minn hekk il-kanzunetta tista’ tkun għodda tajba ta’ kuraġġ għal min iħossu joqgħod lura milli jwettaq xi ħolma jew dak li jixtieq. Firelight hi dwar meta, kif jgħidu l-ingliżi, ‘we rise to the occasion’.”
Il-kompożitur bravissimu Cyprian Cassar ħoloq kompożizzjoni mill-aqwa bi stil modern u mexxej għal din il-kanzunetta, u l-mużika hi ingredjent speċjali fiha hekk kif turi s-sens ta’ saħħa u kuraġġ li trid tirrappreżenta l-lirika.
Il-melodija tal-kanzunetta kienet idea tal-istess awtriċi, Justine Odom. Il-kantanta lokali Claire McCartin kantat fl-isfond, biex tat kulur mill-isbaħ lill-kanzunetta.
Kyle hu tant grat u kuntent li bl-għajnuna u l-appoġġ ta’ ħafna, wasal s’hawn, u qed jaqsam il-mużika oriġinali tiegħu.
“Kelli nqum fuq saqajja u nibqa’ sod sabiex nemmen fija nnifsi u noħroġ l-ewwel kanzunetta oriġinali tiegħi. Ix-xewqa l-oħra tiegħi hi li meta int, int li qed taqra dan l-artiklu, tħoss il-bżonn jew tkun se ċċedi fil-ħajja, din il-kanzunetta tgħinek terġa’ tqum!”
Hawn taħt tista’ ssegwi l-filmat bil-lirika, li huwa xogħol ta’ Angie u Duane Laus minn Lava Graphics Ltd.