Bdew l-istudji f’qiegħ il-baħar biex jipprovdu t-tagħrif meħtieġ biex titfassal l-aħjar u l-aktar rotta sigura għat-tieni interconnector.
Dan hekk kif salpa mill-Port il-Kbir il-bastiment “Urbano Monti”, li se jkun qiegħed janalizza kurituri ta’ 600 metru fir-rotta proposta għat-tieni interconnector bejn Malta u Sqallija.
Il-maniġer tad-diviżjoni teknika tal-kumpanija governattiva Interconnect Malta, l-Inġinier Joseph Vassallo, spjega li t-tieni interconnector se jkun qed iżid is-sigurtà tal-provvista għad-domanda għall-enerġija tal-lum u tal-futur filwaqt li se jipprovdi wkoll ir-riżerva ta’ kapaċita meħtieġa biex taħseb għall-intermittenza fil-produzzjoni tal-enerġija b’sorsi rinnovabbli.
“L-Interconnect għandna bżonn, l-ewwel ħaġa, biex ikollna sigurtà tal-provvista. Id-domanda f’Malta dejjem tikber, din is-sena ngħatat spinta kbira ‘l quddiem. Jekk m’għandniex biżżejjed sorsi ta’ enerġija mhux se nkunu kapaċi nlaħħqu mad-domanda.”
Ir-rotta li għażel dan il-bastiment testendi madwar 100 kilometru minn Baħar iċ-Ċagħaq sa Marina di Ragusa fis-Sqallija.
Il-fond massimu ta’ qiegħ il-baħar ta’ din ir-rotta mistenni jkun ta’ 160 metru.
L-istudju huwa kruċjali biex jipprovdi ukoll l-informazzjoni meħtieġa biex jiġi installat l-interconnector f’qiegħ il-baħar bl-aħjar sistema ta’ protezzjoni.
L-Inġinier Vassallo spjega li Interconnect Malta ddisinjat din ir-rotta sabiex jiġu evitati żoni ta’ importanza ekoloġika, kif ukoll żoni ta’ bunkering, tal-akkwakultura, tas-sajd u tat-tkarkif, żoni turistiċi u żoni ristretti oħra.
“Fl-istess ħin irridu noqogħdu ’l bogħod, kemm jista’ jkun, mill-ewwel interconnector. Kellna dawn id-diversi parametri li ridna nżommu magħhom u issa beda x-xogħol ta’ surveying ta’ din ir-rotta.”
L-Inġinier spjega wkoll li x-xogħlijiet ta’ stħarriġ qrib ix-xatt fi Sqallija, bdew il-ġimgħa li għaddiet permezz ta’ bastiment iżgħar, filwaqt li l-istudju qrib ix-xatt f’Baħar iċ-Ċagħaq se jibda dalwaqt.
Jekk it-temp jippermetti, l-istħarriġ ’il barra mix-xatt se jkompli sa nofs Ottubru.
Il-kuntrattur se jkun qiegħed, imbagħad, jagħmel l-analiżi tal-informazzjoni u jlesti r-rapporti meħtieġa.
Dan l-aħħar, l-Interconnect Malta ħarġet ukoll sejħiet għal offerti oħra, fosthom għad-disinn tal-inġinerija front-end, FEED, ta’ dan il-proġett u għall-istudju dwar l-impatt ambjentali.