Fl-20 ta’ Settembru, il-Baċir Numru Wieħed f’Bormla se jospita kunċert bis-sehem ta’ diversi artisti lokali; kunċert bl-isem ta’ ‘Dock Music’.
Dak li għal snin twal kien iservi bħala post industrijali minn fejn eluf ta’ Maltin qalgħu l-ħobża ta’ kuljum tagħhom, illum il-ġurnata qed ikompli jintuża iżda għal skopijiet rikreattivi.
‘Dock Music’ qiegħed jiġi organizzat mill-Fondazzjoni Kottonera b’kollaborazzjoni mal-Università Amerikana ta’ Malta u fih se jkantaw Ivan Grech flimkien mal-band tiegħu u l-Versatile Brass Band.
F’konferenza tal-aħbarijiet, iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Kottonera, Glenn Bedingfield, innota li permezz ta’ inizjattivi bħal dawn qed jintefa’ aktar enfasi fuq il-Kottonera bħala post bi storja rikka li jista’ jintuża għal skopijiet rikreattivi minn kulħadd.
Il-President tal-Università Amerikana ta’ Malta, Michael Najjar, stqarr li bħala Università jinsabu onorati li qegħdin jikkontribwixxu għall-kultura rikka ta’ pajjiżna, filwaqt li qegħdin ikomplu jintegraw fl-istess komunità li għamlet ħafna magħhom.
L-artisti esprimew il-gratitudni tagħhom talli ġew avviċinati biex jieħdu sehem f’dan il-kunċert, li se joffri tant spettaklu.
Paul Borg, mill-Versatile Brass Band, ikkummenta li l-kunċert se jolqot persuni ta’ kull età, b’kanzunetti varji.
Qal, “L-ewwel ħaġa, l-idea wara dan il-kunċert hija brillanti, spettakolari, għaliex il-Kottonera ftit gawdiet kunċerti ta’ dan it-tip, ta’ dan il-livell. Ovvjament, jien se ningħaqad ukoll ma’ Ivan Grech. Aħna bħala Versatile Brass se ntellgħu kunċert kif nafu nagħmlu aħna: nagħtu briju għal kull età – meta ngħid għal kull età jiġifieri kemm għaż-żgħażagħ, kemm għal medja età, kif ukoll għall-kbar.”
Ivan Grech, li se jkanta mal-band tiegħu, semma l-fatt li għandu l-għeruq tiegħu f’dan l-istess post fejn se jsir il-kunċert fil-jiem li ġejjin.
Qal, “L-għeruq tiegħi huma ġewwa l-Isla, ġewwa l-Kottonera, u huma parti mill-mixja tiegħi kemm f’ħajti u kemm fil-mużika. Dan il-lokal issa, dan il-post, il-Kottonera, issa iktar qed tiġi apprezzata għas-sbuħija li hawn, l-istorja li hawn, tan-nies li hawn, u issa hawnhekk dan id-dock, wara li nfetaħ, hawn ħafna postijiet sbieħ fejn in-nies jiġu u jieħdu pjaċir.”
Preżenti għat-tħabbir tal-kunċert kien hemm ukoll is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, li faħħret din l-inizjattiva meħuda mill-Fondazzjoni Kottonera. Kien hemm ukoll is-Sindku tal-Kalkara, Wayne Aquilina, u s-Sindku tal-Birgu, John Boxall.
Id-dħul għal din l-attività huwa b’xejn u l-bibien fl-20 ta’ Settembru se jinfetħu mis-sebgħa ta’ filgħaxija ’l quddiem.