Tħabbar uffiċjalment li t-tennista serb Novak Djokovic mhux se jkun qed jieħu sehem fil-US Open minħabba li mhux vaċċinat kontra l-COVID 19. Il-konferma waslet miċ-centru amerikan li jikkontrolla l-imxija ta’ mard infettiv (American Centre for Disease Control) hekk kif ħabbru li r-regoli relatati mal-vaċċin u l-passiġġieri li jidħlu l-Istati Uniti se jibqgħu fis-seħħ.
Għalkemm kienet ilha tissemma din il-probabilita’, Djokovic kien qed jittama li l-Istati Uniti tneħħi r-regola li kull min jidħol fil-pajjiż irid juri ċ-ċertifikat tal-vaċċin.
Filfatt fl-Istati Uniti għadu obbligu li kull min jidħol fil-pajjiż ikun vaċċinat. Djokovic minn dejjem għamilha ċara li mhux beħsiebu jieħu l-vaċċin kontra l-COVID19 u kawża ta’ hekk diġa tilef l-ewwel Grand Slam tas-sena, dak tal-Awstralja.
Il-US Open se jsir bejn id-29 ta’ Awwissu u l-11 ta’ Settembru li ġej.