Karrijiet, sfilati taż-żfin, u atmosfera mill-isbaħ.
F’San Pawl il-Baħar dal-weekend se jsir Karnival tas-Sajf. F’dawk il-jumejn, numru ta’ toroq ewlenin f’din il-lokalità se jaraw ’il fuq minn għaxar karrijiet akkumpanjati minn spettaklu.
L-avveniment qiegħed jiġi organizzat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar b’kollaborazzjoni mal-Awtorità għat-Turiżmu.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet fil-pjazza ta’ Buġibba mill-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo.
ONE News tkellem mas-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar Alfred Grima dwar x’se tkun qed tinvolvi din l-inizjattiva.
Qal, “Se jkollna 10 karrijiet u sfilati ta’ żfin diversi: prattikament dak li jsir fil-karnival tax-Xitwa imma, ovvjament, ridott fi ftit aktar ċokon. Qed jittieħed b’serjetà kbira dan. Dejjem kellna, għall-grazzja ta’ Alla, suċċess. L-iskop tal-Kunsill huwa li, bl-għajnuna diretta tal-Ministeru tat-Turiżmu u l-MTA, inkomplu nagħtu lil-lokal tagħna aktar diversità ta’ attivitajiet.”
Il-Karnival tas-Sajf se jibda fis-sebgħa ta’ filgħaxija u jibqa’ sejjer sa bil-lejl.
Qal, “Ovvjament, dan jibda s-Sibt fis-7 ta’ filgħaxija u jispiċċa bejn wieħed u ieħor fil-11pm. Jibda min-naħa tal-Knisja tal-Ħġejjeġ u jibqa’ għaddej sa fejn l-għassa tal-Qawra. Il-Ħadd bil-maqlub: jiġu minn fejn l-għassa tal-Qawra, jibqgħu għaddejjin għall-Pjazza, jieħdu t-triq ta’ warajna u jibqgħu sejrin minn Triq il-Pijunieri, għal barra l-lokalità.”
Minn naħa tiegħu, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo tkelem dwar l-importanza li tkompli tiġi żviluppata n-niċċa tat-turiżmu tal-familji.
Qal, “Dawn l-avvenimenti kulturali matul ix-xhur tas-sajf jagħtu iżjed dimensjoni versatili lill-prodott turistiku tagħna. Prodott turistiku li rridu narawh li jkun iżjed kompetittiv u li jkun ukoll kapaċi jattira iżjed familji lejn pajjiżna. Għalhekk, in-niċċa tal-family tourism qed tintlaqat bis-sħiħ hawnhekk f’dan il-Karnival tas-Sajf organizzat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar flimkien mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.”