Waqt laqgħa tal-Kumitat Permanenti tal-Parlament dwar is-Saħħa ġie diskuss il-protokoll tal-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijuni fid-dawl tal-approvazzjoni riċenti tal-Parlament għal-liġi ekendata dwar l-IVF.
Din id-diskussjoni f’livell ta’ kumitat qed isseħħ wara li l-Gvern introduċa emendi ġodda li permezz tagħhom se jiżdiedu n-nies li jgawdu mill-proċess tal-IVF bla ħlas, bl-età togħla għal 45 sena, jiżdiedu ċ-ċikli tal-IVF mingħajr ħlas, u s-servizz jiġi offrut anki lil min diġà għandu l-ewwel wild.
Waqt il-laqgħa tal-Kumitat Permaneni dwar is-Saħħa, li hi ppreseduta mid-deputat tal-Gvern Malcolm Paul Agius Galea, fost l-oħrajn ġie diskuss il-fatt li se tkun qed tiġi ffaċilitata d-donazzjoni tal-ooċiti minn pajjiżi oħra, u li se jkun qiegħed jiġi permess it-trasferiment ta’ embrijuni krijopriservati f’pajjiżi barranin lejn Malta sabiex l-IVF isir f’pajjiżna stess.
Sadattant, il-Gvern għaddej b’diversi diskussjonijiet sabiex it-tobba u l-ispeċjalisti jingħataw l-aċċess sabiex jagħmlu użu mill-aħħar u l-aħjar teknoloġija medika. B’hekk, jiġu evitati stejjer ta’ qsim il-qalb, ta’ trabi li jitwieldu biċ-ċertezza li jkunu se jmutu fi ftit ġimgħat jew xhur.