Il-President tal-Grupp tal-Ewro – il-korp informali fejn il-Ministri tal-Istati membri taż-Żona tal-Ewro jiddiskutu kwistjonijiet marbuta mar-responsabbiltajiet komuni tagħhom b’rabta mal-Ewro – faħħar lil Malta għall-irkupru ekonomiku b’saħħtu wara l-pandemija u talli għandha l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja minkejja l-isfidi li l-Ewropa għaddejja minnhom.
Paschal Donohoe, li hu wkoll il-Ministru għall-Finanzi Irlandiż, kien qed jitkellem wara laqgħa privata li kellu mal-Ministru għall-Finanzi Malti, Clyde Caruana, ftit tal-ħin ilu.
Donohoe sostna li, minkejja l-isfidi mta’ adwarna, bħal dawk tal-Covid-19 u l-gwerra fl-Ukrajna, l-ekonomija Maltija baqgħet tikber. Huwa rrimarka li, wara l-pandemija, l-ekonomija Maltija irkuprat b’saħħa filwaqt li r-rata tal-qgħad hija l-inqas fl-istorja. Donohoe nnota wkoll is-sostenn tal-Gvern quddiem l-isfidi kurrenti.
Punt ieħor li laqat l-għajn ta’ Donohoe kien il-mod ta’ kif Malta qed tippjana li tonfoq madwar €300 miljun fi grants Ewropej. Huwa esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-għaqal fl-ippjanar tal-gvern Malti fuq dan il-punt partikolari.
Donohoe nnota wkoll l-importanza tas-sostenibbiltà fl-għajnuna li tingħata sabiex ma jfeġġux sfidi ekonomiċi ġodda fil-futur.
Intant, il-Ministru għall-Finanzi, Clyde Caruana, qal li waqt il-laqgħa privata mal-President tal-Eurogroup ġiet diskussa l-aġenda Ewropea għas-sitt xhur li ġejjin u l-isfidi kurrenti fosthom dawk tal-enerġija u l-inflazzjoni. Dan filwaqt li dawn l-isfidi jiġu miġġielda b’mod sostenibbli.
Il-Ministru Caruana spjega wkoll kif ġew diskussi wkoll il-Fondi Ewropej li, permezz tagħhom, l-ekonomija Maltija tkun tista’ tkompli timxi ‘l quddiem.
Dwar l-AirMalta, il-Ministru Clyde Caruana tenna li l-Gvern għadu għaddej b’diskussjonijiet mal-Kummissjoni Ewropea fid-dawl tal-bżonn ta’ riformi sostanzjali.
Huwa aċċenna wkoll għal riformi li saru fil-linja nazzjonali tal-ajru u qal li dawn diġà qed iħallu l-frott. Dan jidher ċar, fost oħrajn, fil-fatt li l-kumpanija laħqet il-punt fejn 95 fil-mija tal-postijiet fuq l-ajruplani tagħha qed ikunu okkupati.