Il-boxer brittanniku Anthony Joshua skuża ruhu mal-partitarji għall-imġieba tiegħu fi tmiem il-ġlieda boxing tal-lejl li għadda f’Jeddha l-Arabja Sawdija u li fiha tilef kontra l-boxer ukren Oleksandr Usyk.
Joshua tilef il-ġlieda bil-punti u eżattament malli tħabbar ir-riżultat huwa qabad żewġ ċinturini ta’ Usyk u xeħithom fl-art. Wara ħa l-mikrofunu u beda jagħmel messaġġ li matulu uża kliem mhux xierqa.
Il-ġlieda tal-lejl li għadda kienet it-tieni waħda bejn Joshua u Usyk, bl-ewwel waħda f’Settembru li għadda wkoll kienet ġiet mirbuħa mill-boxer ukren.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, Joshua ammetta li żbalja bil-mod kif ġab ruhu fi tmiem il-ġlieda. Qal li ħalla l-emozzjonijiet jiġru bih u skuża ruhu ma kulħadd. Huwa feraħ lil Usyk għas-suċċess fil-ġlieda.