L-Uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija issa qed jitħallsu f’qasir żmien tas-sahra jew xogħol żejjed li jagħmlu, b’mod speċjali minħabba avvenimenti kbar li jirrikjedu l-ħidma ta’ aktar uffiċjali.
Fost l-oħrajn dawn il-ġranet żejda li ħadmu l-Pulizija matul din is-sena kienu minħabba l-elezzjoni ġenerali u ż-żjara Appostolika li għamel il-Papa Franġisku f’pajjiżna.
Il-gazzetta KullĦadd żvelat kif il-ħlas marbut ma’ dawn ix-xogħlijiet ngħata mal-ewwel, għall-kuntrarju ta’ dak li kien isir fil-passat.
Qabel, il-prassi kienet li l-uffiċjali tal-Korp kien ikollhom jistennew medja ta’ sitt xhur sakemm jitħallsu.
Saħansitra kien hemm żmien taħt amministrazzjoni Nazzjonalista meta l-Pulizija kienu jkunu mġigħila jaqtgħu qalbhom li se jitħallsu; b’dawn il-flejjes ilaħħqu l-miljuni f’overtime akkumulat mill-istess uffiċjali.
Din is-sena bl-avvenimenti li seħħew fl-aħħar xhur, uffiċjali tal-Pulizija ddaħħlu f’extra duties mhux biss f’postijiet marbuta mal-elezzjoni jew maż-żjara tal-Papa imma anki, fost l-oħrajn, fil-Grawnd Nazzjonali ta’ Ta’ Qali waqt logħob tal-futbol.
F’każijiet hekk il-post li jkun talab is-servizz tal-uffiċjali jħallashom, imma qabel il-Pulizija kienu jitħallsu biss wara li l-Korp ikun daħħal il-flus mingħand terzi persuni li lilhom ikun ġie pprovdut is-servizz.
Is-sigurtà f’avvenimenti tal-massa rrikjedew ukoll l-assistenza tal-Forzi Armati ta’ Malta, li wkoll gawdew minn benefiċċju bħala ħlas addizzjonali minflok sahra.
Fil-passat, dawn ma kinux ikunu intitolati għal xi ħlas addizzjonali lil hinn mill-paga, iżda kien ftehim li ntlaħaq fl-aħħar snin li għamel dan possibbli.
Il-ħlas dovut lil membri tal-Forzi Armati ta’ Malta, marbut mal-elezzjoni u ż-żjara tal-Papa, diġà tħallas.
F’kummenti mal-gazzetta, il-Ministru responsabbli mill-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Byron Camilleri stqarr kif dan kollu juri l-impenn tal-Gvern li jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-korpi dixxiplinati.
Huwa nnota wkoll li x-xogħol minn dawn il-persuni jkun sar b’tant dedikazzjoni u sagrifiċċju u qabel ma kienx jiġi mħallas fil-pront jew ma jitħallas qatt.
Eżempju ta’ dan huwa s-sahra li kienet saret b’rabta mal-elezzjoni ġenerali tal-2008 li saret f’Marzu, li damet sitt xhur biex tħallset lil min kienet dovuta.
Dak iż-żmien kienu bosta uffiċjali li esprimew ir-rabja u d-disprament tagħhom.
Fl-istess sena kienet saret sahra wkoll marbuta ma’ strajk li kien sar fit-trasport pubbliku.
F’dan iż-żmien sahra ma’ entitajiet terzi kienet titħallas wara s-snin.
Mill-2013 fi żmien Gvern Laburista saħansitra bdew jitħallsu l-overtime bl-aretrati għal dak li kien inħadem mill-Pulizija bejn l-1 ta’ Settembru tal-1993 u l-aħħar ta’ Diċembru tal-2009.
Il-ħlasijiet ta’ overtime f’dan il-perjodu, kienu laħħqu l-ħdax-il miljun ewro b’mod kollettiv u tħallew jakkumulaw għal sittax-il sena.
Gvern Nazzjonalista qatt ma ħallas l-overtime bl-Eks Prim Ministru, Lawrence Gonzi kellu l-ardid li fl-2012 jiddikkjara fil-Parlament li dan il-ħlas ma kienx se jsir.
Is-sitwazzjoni llum hija l-oppost ta’ dak li kien isir qabel għaliex barra l-ħlas fil-pront ta’ dak dovut lill-ħaddiema, qed tkompli l-ħidma biex ikomplu jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-ambjent li jaħdmu fih l-istess ħaddiema.