Shahid Munir ta’ 37 sena mill-Pakistan inħeles mill-arrest wara li wieġeb mhux ħati li mess b’mod mhux xieraq tfajla ta’ sittax-il sena.
Fil-Qorti ġie spjegat kif il-Pulizija fl-Għassa tal-Qawra rċeviet rapport mingħand l-allegata vittma, li qalet lill-Pulizija li raġel li jaħdem bħala housekeeper f’lukanda, messha b’mod mhux xieraq.
Hawn il-Pulizija qalulha li jekk terġa’ tara lill-imputat, tinforma lill-Pulizija immedjatament. Aktar tard, hija ratu u infurmat lill-Pulizija, li arrestawh minnufih.
L-allegat vittma, li kienet f’pajjiżna għal btala, kienet preżenti fil-Qorti, għalkemm ma kinitx fl-awla, u xehdet minn kamra oħra permezz tal-video conferencing.
Fil-Qorti t-tfajla qalet li r-reat seħħ għall-ħabta tal-ħdax ta’ filgħodu, il-ħin fejn jiġu n-nies minn barra biex inaddfu l-kamra tal-lukanda. Qalet li meta ħabbat mal-bieb, ratu liebes uniformi ta’ cleaner, u staqsiha jekk setax jidħol ġewwa biex jaħsel.
Kien hawn li l-Prosekuzzjoni talbet biex il-kawża tinstema’ fil-magħluq.
Kif il-midja tħalliet terġa’ tidħol fl-awla, id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, liema talba ġiet oġġezzjonata mill-prosekuzzjoni, hekk kif huwa jgħix fil-lukanda fejn allegatament seħħ ir-reat.
Il-Qorti approvat it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet, u ħarġet ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-vittma.