It-team nazzjonali malti tal-Waterpolo ta’ taħt is-16-il sena kiseb rebħa prestiġjuża fl-ewwel logħba tiegħu mill-Kampjonat tad-Dinja f’Volos il-Greċja meta għeleb lill-Istati Uniti bl-iskor ta’ 10-7.
It-team malti immexxi mill-kowċ Anthony Farrugia wrew determinazzjoni kbira hekk kif wara bidu kajman wettqu reazzjoni biex dawru r-riżultat favur tagħhom.
L-avversarji rebħu l-ewwel sessjoni 3-1, filwaqt li t-tieni waħda spiċċat 2-2. Biss il-maltin ħasdu lill-amerikani fl-aħħar żewġ sessjonijiet. Sessjonijiet li t-team malti rebaħ rispettivament 3-1 u 4-1.
Kienet wirja kollettiva, bl-aħjar skorer għal Malta kien Jayden Cutajar b’ħames goals personali.
Malta terġa’ tkun fl-azzjoni għada t-Tnejn fis-6 ta’ filgħaxija kontra l-Każakistan b’ċans tajjeb li nkomplu navvanzaw f’dan il-kampjonat hekk importanti.