ONE News jinsab infurmat li fl-aħħar sigħat, il-Pulizija arrestat anzjan ta’ 73 sena b’rabta mal-isparatura li seħħet nhar il-Ġimgħa li għadda ħdejn farmhouse fl-inħawi ta’ Għar Ħażrum fil-limiti tas-Simblija fir-Rabat.
F’din l-isparatura ġie sparat tir wieħed u l-vittma, raġel ta’ 49 sena mir-Rabat, intlaqat f’dahru u ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi serji.
L-allegat aggressur ħarab minn fuq il-post u minnufih bdiet tfittxija għalih mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit u tal-Ispecial Intervention Unit.
Din it-tfittxija baqgħet għaddejja fi tmiem il-ġimgħa u fl-aħħar ħin ġie arrestat anzjan.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin u qed jitmexxew mid-Dipartiment tar-Reati Maġġuri u tad-Distrett, flimkien mal-uffiċjali tal-Laboratorju tax-Xjenza Forensika tal-Pulizija.
Dan l-arrest jingħaqad mal-ħidma kontinwa li ssir mill-Korp tal-Pulizija ta’ Malta f’kull reat kriminali, b’mod partikolari fejn jidħlu l-omiċidji li ġew solvuti kollha fl-aħħar snin.
L-anzjan mistenni jitressaq il-Qorti llum għall-ħabta tat-tlieta ta’ waranofsinhar quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Lara Lanfranco, b’akkużi relatati ma’ dan il-każ.