Il-Pulizija arrestat żewġt irġiel Sirjani b’rabta ma’ argument li seħħ nhar il-Ħamis fil-Ħamrun. Fi stqarrija l-Pulizija qalet li illum fit-tlieta u nofs ta’ waranofsinhar se tkun qed tressaq raġel minnhom, filwaqt li ieħor se jkun qed jitressaq il-Qorti għada.
Intant, il-Pulizija stqarret li identifikat ukoll ħdax-il persuna oħra li kienu involuti fl-argument.
Mill-investigazzjonijiet li saru, irriżulta li Sirjan ta’ tletin sena li jgħix il-Mosta darab b’mod gravi lil Sirjan ieħor b’injama f’rasu. Dak tal-ewwel se jkun qed jitressaq quddiem il-ġustizzja illum.
It-tieni Sirjan li ġie arrestat għandu ħamsa u tletin sena u jgħix il-Marsa, u mistenni jitressaq il-Qorti għada fejn se jkun akkużat li darab b’mod ħafif Sirjan ta’ tlieta u għoxrin sena b’arma li taqta’ u bil-ponta.