Ledjon Brakaj, Albaniż ta’ 36 sena u li joqgħod Wied il-Għajn, inżamm arrestat wara li ttella’ l-Qorti hekk kif ġie arrestat permezz ta’ mandat t’arrest Ewropew.
Huwa ġie mixli b’omiċidju doppju, ħruq tal-katavri u kif ukoll serq ta’ aktar minn seba’ mija u tmenin elf ewro fil-Greċja.
Rapporti fil-midja Griega qalu kif fil-fatt, fl-2015, l-imputat daħal jisraq lill-anzjana u lin-neputi tagħha li kellhom ħanut ta-souvenirs. Hemmhekk huwa feriehom b’daqqiet ta’ ponn.
Intqal ukoll li huwa allegatament dawwar xi ħwejjeġ magħhom u tahom in-nar waqt li kienu għadhom ħajjin. Ftit tal-ħin qabel huwa seraq €780,000 f’oġġetti ta’ valur u flus kontanti mill-istess vittmi.
L-imputat ġie arrestat il-Ġimgħa mill-Pulizija Maltija mit-Taqsima tar-Relazzjonijiet Internazzjonali, permezz ta’ Mandat t’Arrest Ewropew, maħruġ fuq talba tal-Awtoritajiet Griegi.
Huwa deher quddiem il-Qorti li nfetħet b’urġenza, is-Sibt filgħodu.
L-imputat għażel li ma jweġibx waqt l-eżami mill-Qorti biex jiġi identifikat. Fil-fatt, hawnhekk ma weġibx x’jismu, kemm għandu żmien, fejn twieled u fejn jgħix, isem il-ġenituri u jekk huwiex il-persuna li qed jintalab jintbgħat lura lejn il-Greċja minħabba l-proċeduri maħruġa mill-awtoritajiet Griegi.
Il-Prosekuzzjoni qalet li ħadet kampjun tal-marki tas-swaba’ tal-imputat, liema marki jaqblu ma’ dawk mibgħuta mill-Awtoritajiet Griegi.
Id-Difiża mmexxija mill-avukat Franco Debono argumentat li din il-prova ma ġietx preżentata quddiem il-Qorti allura, l-istess Qorti, ma tistax toqgħod fuq dawn l-allegati provi. Id-difiża żiedet tgħid li fid-dokumenti esebiti mill-Prosekuzzjoni, inkluż dawk taż-Żona Schengen, hemm ismijiet differenti minn tal-imputat.
B’hekk dan iqajjem dubju serju dwar l-identità tal-persuna.
Madanakollu, il-Prosekuzzjoni rribattiet li tqabblu l-partikolaritajiet tal-imputat u li fil-fatt, jaqblu mal-passaport tiegħu kif ukoll mal-Mandat ta’ Arrest Ewropew.
Dwar dan il-Qorti, qalet li skont il-liġi hija sodisfatta li l-persuna miġjuba quddiem l-istess Qorti hija l-istess waħda msemmija fil-Mandat ta’ Arrest Ewropew.
Id-difiża sostniet li l-imputat mhux se jaderixxi ma’ dak li hemm komunikat fit-talba għall-Mandat ta’ Arrest Ewropew.
Fl-istess waqt, id-Difiża m’għamlitx talba għall-libertà proviżorja f’dan l-istadju.
Għaldaqstant, il-Qorti ordnat li l-imputat jinżamm arrestat sakemm jinbeda s-smigħ dwar l-estradizzjoni fit-23 ta’ Awwissu quddiem Qorti differenti.