“L-għajnuna fil-Budget li ġej se tkun l-aktar b’saħħitha għaż-żgħir u għal min jiflaħ l-inqas fis-soċjetà.”
Iddikjara dan il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela waqt intervent fuq ONE Radio, fil-programm Sibt il-Punt.
Fil-fatt, il-Prim Ministru ġie mistoqsi dwar il-preparamenti li għaddejjin bħalissa b’rabta mal-Budget għal din is-sena. Dan anke hekk kif l-imsieħba soċjali bdew jagħtu l-ideat u l-proposti tagħhom.
Fil-fatt, il-Prim Ministru tenna kif il-proposti tal-imsieħba soċjali mhux biss jiġu analizzati iżda wkoll diskussi f’fora diversi.
Madankollu hawn, il-Prim Ministru rrimarka l-prinċipju li bihom il-Gvern se jiggwida l-preparamenti għall-Budget li jmiss – Ir-responsabbiltà u s-sostenibbiltà.
Dan anke sabiex ikompli fuq il-miżuri numerużi li ntroduċa l-Gvern fl-aħħar snin, bħal dik tat-trasport pubbliku u ċ-childcare b’xejn.
Fuq kollox, il-Prim Ministru sostna hekk, fuq il-Budget li jmiss.
“Se nibqgħu ngħinu lin-nies u l-aktar għajnuna li se nagħtu trid tkun l-aktar b’saħħitha għaż-żgħir, għal dawk li jifilħu l-inqas fis-soċjetà tagħna. Għaliex ngħidu dan? Għaliex f’mumenti ta’ sfidi bħal dak li qed ngħixu bħalissa, ir-realtà turik li jbgħati l-iżjed, jekk il-Gvern ma jintervjenix biex jgħin, dak li jiflaħ l-inqas. Issa mhux qed ngħid li mhux se ngħinu kemm jista’ jkun lil kulħadd imma li qed ngħid huwa li l-għajnuna trid tkun iffukata l-iżjed lil dawk jistgħu l-inqas.”
Il-Prim Ministru tenna li bħal Budgets tal-aħħar snin ta’ Gvern Laburista, dan il-Gvern qed ikompli jara li jassigura s-serħan il-moħħ.
Dan anke quddiem sfidi internazzjonli li baqgħu jiddominaw fl-Ewropa u d-dinja. Sfidi li komplew jiddistingwu lill-Malta bħala pajjiż li poġġa fuq quddiem nett l-interessi ta’ niesu.
Dr Abela ħabbar ukoll li l-Gvern mhux se jkun qed jibdel il-mekkaniżmu għall-kumpens tal-għoli tal-ħajja, magħruf aħjar bħala l-COLA.
Dan b’reazzjoni għad-dikjarazzjoni tal-General Workers Union ftit tal-jiem quddiem proposti li fil-fatt, dan għandu jinbidel.
“Aħjar inkun ċar mil-ewwel u allura nissetjaw mal-ewwel il-prinċipju. Il-COLA huwa mekkaniżmu li mhux ġie maqbul illum bejn l-imsieħba soċjali kollha imma ġie maqbul bl-iswed fuq l-abjad snin ilu. Allura ġaladarba hemm dan il-qbil, qbil li jiffurma kuntratt, il-Gvern żgur mhux se jkun qed jipprova jbgħabas jew jimmodifika dak il-mekkaniżmu għaliex l-għajnuna din id-darba se tkun ikbar minn ta’ snin oħra.”
Fl-istess waqt il-Prim Ministru tenna li l-kompettività trid tibqa’ fiċ-ċentru tal-importanza ta’ dan il-Gvern biex b’hekk jiġu indirizzati wkoll it-temi li qed iħassbu lin-negozji.
Madankollu Dr Abela fakkar kif dan il-Gvern dejjem kien ta’ spalla għan-negozji u semma kif dan qed jidher biċ-ċar issa hekk kif l-istat qed jagħmel tajjeb għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwil u anke l-ispejjeż relatati mal-qmug u l-ġwież.
Hawn Dr Abela rrimarka wkoll s-sinjali pożittivi li qed juru rkupru minn naħa ta’ pajjiżna.
“Nibqa’ pożittiv għax hemm sinjali tanġibbli konkreti u ċari ta’ rkupru. X’rajna fl-aħħar ġimgħat? Rajna tbassir pożittivi ieħor tal-Bank Ċentrali, ranja rekors ta’ xiri ta’ propjetà residenzjali fl-ewwel 7 xhur ta’ din is-sena, rajna li l-ajruport reġà qed jara n-numru ta’ passiġġieri li kien qed jara fis-snin ta’ qabel il-pandemija, rajna li l-eportazzjoni laħqet iż-żewġ biljun ewro sa Ġunju u rajna li żdied il-bejgħ fil-ħwienet meta kellek sitwazzjoni imbeżża’ fl-UE meta l-bejgħ fil-ħwienet naqas.”