Fi ftit xhur oħra, il-programm ”Bonġu Solid Gold” se jkun qed jagħlaq 30 sena mindu beda jixxandar għall-ewwel darba fuq ONE Radio f’Novembru tal-1992. Bil-preżentazzjoni ta’ Josef Caruana, li għadu jmexxih sal-lum il-ġurnata, dan il-breakfast show jiftaħ l-iskeda ta’ xandiriet kull nhar ta’ Ħadd fuq 92.7 FM.
Il-programm baqa’ għaddej kontinwament għal dawn is-snin kollha, bil-format partikolari tiegħu ffokat l-iżjed fuq il-mużika tal-ħamsinijiet, is-sittinijiet u s-sebgħinijiet u l-istorja wara d-diski l-iżjed popolari fil-klassifika Ingliża u dik Amerikana. Il-programm, li jattira eluf ta’ semmiegħa kull ġimgħa, jidħol f’dettalji partikolari tal-istorja f’ġeneri ta’ mużika li jvarjaw mir-Rock ’n Roll għall-Rhythm & Blues, mill-Jazz għall-Pop, mir-Reggae għall-Rock.
Skont il-preżentatur innifsu, hu dan li jattira lis-semmiegħa, li għalkemm ikunu diġà konxji tal-kanzunetti popolari, jinteressawhom ħafna iżjed l-anedotti li jiġu rrakkontati matul it-tliet siegħat tal-programm, anke jekk fis-siegħat bikrin ta’ ġurnata meqjusa ta’ mistrieħ.
“Ħafna jwaqqfuni biex jgħiduli li, iżjed mill-kanzunetti li jkunu jafuhom anke bl-amment, jaffaxxinaw irwieħhom jisimgħu stejjer ta’ kif inħolqu, għalxiex inkitbu jew x’effett kellhom fuq il-ħajja soċjali ta’ dik l-epoka, fost oħrajn,” qalilna Josef Caruana.
Hu tenna magħna wkoll li fl-istess ġimgħa li kien beda fl-istazzjon ONE kien beda karriera fil-ġurnaliżmu fejn għamel kwart ta’ seklu u wasslitu biex saħansitra jilħaq il-pożizzjoni ta’ Editur tal-ġurnal l-orizzont bejn l-2010 u l-2017.
“Il-bidu tal-karriera radjufonika tiegħi kien pjuttost b’kumbinazzjoni u għax inzertajt fil-post it-tajjeb u fil-ħin it-tajjeb. Waqt ġbir ta’ fondi tal-Partit Laburista, konna jien u ħabib tiegħi Alfred Farrugia, dak iż-żmien parti mill-Forum Żgħażagħ Laburisti, inbiegħu l-biljetti l-ONE għal attività li kellna. Bejn ċajt u oħra ma’ staff ta’ ONE, fosthom Martin Baldacchino, staqsewni kif qatt ma tħajjart nippreżenta programm fuq ir-radju … xi ħaġa li kienet ix-xewqa tiegħi minn meta kont żgħir nisma’ ilħna fuq Radju Malta dak iż-żmien, li wkoll kienu jiġu assoċjati ma’ ġranet u ħinijiet partikolari. Minn hawn kont mistieden nibda nitħarreġ dak iż-żmien ma’ waħda mill-preżentatriċi popolari Charlotte Montfort u nagħmel demo tapes ħalli jiġu evalwati. U waqt li fil-bidu kont bdejt nippreżenta programm bil-lejl sbieħ it-Tlieta, ftit wara ġejt assenjat minn Ray Azzopardi l-breakfast show ukoll, għall-ewwel nhar ta’ Sibt. Dak iż-żmien il-Ħadd kien hemm il-mibki Joseph Giusti, li, iżda, kien xtaq li npartu l-ġranet, minħabba x-xogħol tiegħu. Il-bqija hi storja,”
JOSEF CARUANA – PREŻENTATUR
Filwaqt li rringrazzja lis-semmiegħa kollha li jikkonkorru b’tant ħeġġa kull nhar ta’ Ħadd, sellem lil żewġ preżentaturi li għal xi snin ħadmu miegħu fl-istess programm. “Għal numru ta’ snin ma kontx waħdi, konna nippreżentawh jien u Simon Pisani flimkien u wara dam iżjed Charles Marsh miegħi, li għadna ħbieb kbar sal-lum. Is-sigla tal-ftuħ ta’ ‘Bonġu Solid Gold’ fil-fatt għadha l-istess kif ħallatha Charlie għexieren ta’ snin ilu” fakkar b’nostalġija Josef.
Hu temm iwiegħed iżjed lealtà lejn l-istazzjon li għamlu dak li hu llum u lejn is-semmiegħa ddedikati. “Nittama li nkun għadni hawn għal 30 sena oħra, anke jekk dan ifisser li tqum fl-4:30 a.m. kull nhar ta’ Ħadd” temm jgħidilna l-preżentatur tal-eqdem programm radjufoniku f’pajjiżna.