Ir-rivista tal-ivjaġġar, Connoisseur Circle, poġġiet lil Malta fl-ewwel post bħala destinazzjoni mill-aqwa fl-Ewropa.
Ir-rivista li hi miktuba bil-Ġermaniż u meqjusa ta’ livell għoli, tqis lil Malta bħala destinazzjoni tal-ogħla klassi għat-turisti li jħobbu l-kultura u ċertu rikkezzi.
Fi stqarrija l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qalet kif din ir-rivista rrikonoxxiet li l-gżejjer Maltin joffru esperjenza ta’ vjaġġar mill-aqwa tal-ogħla livell fil-qalba tal-Mediterran, tant li tat lil Malta l-premju bl-isem ta’ Conoisseur Circle Hospitality Award għall-elfejn u tnejn u għoxrin.
Dan il-premju hu meqjus bħala wieħed mill-aqwa premji li wieħed jista’ jikseb fl-industrija lussuża tat-turiżmu.
F’kummenti mal-istqarrija, il-Kap Eżekuttiv tal-MTA, Carlo Micallef, qal kif dan ir-rikonoxximent huwa importanti wara x-xhur turbulenti li esperjenzat l-industrija tul il-pandemija.
Il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, qal kif is-suq Ġermaniż huwa wieħed ta’ importanza kbira għall-industrija tat-turiżmu Maltija u dan il-Gvern se jiżgura li l-konnettività bejn iż-żewġ pajjiżi tibqa’ b’saħħitha.