”Freedom of Love”, huwa t-titlu tal-kanzunetta l-ġdida ta’ Geo Debono, kollaborazzjoni ma’ Toby Farrugia. Din hija t-tieni darba li dawn iż-żewġ artisti ħadmu flimkien, hekk kif madwar sena ilu ppubblikaw il-kanzunetta ”Who We Are”, li matul ix-xhur tas-sajf indaqqet kemm-il darba fuq l-istazzjonijiet tar-radju tant li anke telgħet san-numru 1 fil-klassifika tal-Maltin.
F’kitba li ppubblika fuq il-midja soċjali, Geo qal “kien ilu jberren il-ħsieb f’moħħi li naħdem fuq kollaborazzjoni oħra ma’ Toby, u wara li kkunsidrajt it-temp sħun u anke vaganza fil-bidu tal-ġimgħa, għidt naħseb li huwa l-mumenti opportun”. Il-ħoss sajfi fil-bidu tal-kanzunetta mal-ewwel jagħti stampa ċara ta’ dak li s-semmiegħ għandu jistenna u wara l-ewwel minuta, ikun ġa beda jkanta magħha u forsi jtaptap ftit saqajh ma’ l-art.
Il-kantant, mużiċist Geo twieled fis-16 t’April 1989, u għal dawk li jafuh mill-qrib, żgur jiftakru li ħajtu dejjem kienet mdawwra bin-noti tal-mużika, minħabba li kemm ommu, kif ukoll missieru huma fix-xena mużikali. Tul is-snin, huwa ppreżenta diversi kanzunetta kemm bil-Malti, kif ukoll bl-Ingliż u ħa sehem f’numru ta’ spettakli kemm lokali, kif ukoll internazzjonali. Fost dawn wieħed jieħu nota ta’ Microfono d’Oro u Do Re Mi fl-Italja, il-Universong fi Spanja u anke l-Festival tal-Kanzunetta Maltija mtella’ flimkien mal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta.
Segwi l-vidjo mużikali ta’ Freedom of Love hawn:
Mil-lum, il-Ġimgħa 19 t’Awwissu, il-kanzunetta hija disponibbli wkoll fuq kull pjattaforma possibli grazzi għall-kumpanija tad-distribuzzjoni CAP-Sounds. Idħlu hawn: https://bfan.link/freedom-of-love għal aktar dettalji.
Freedom of Love hija prodott ta’ Tobymusic Productions, bi promozzjoni ta’ Ironic PR & Artist Management.