Huwa fatt magħruf li l-isport jista’ jgħallem numru ta’ affarjiet bżonnjużi bħall-komunikazzjoni filwaqt li jtejjeb ir-relazzjoni ta’ persuna ma’ ta’ madwaru.
Apparti minn hekk, l-isport huwa wkoll attività li tgħaqqad nies ta’ nazzjonalitajiet, kulturi u esperjenzi differenti.
Dan huwa l-każ anke fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, fejn b’mod regolari, ir-residenti jieħdu sehem f’sessjonijiet ta’ sport differenti, u anke jagħmlu użu mill-gym.
Dan bħala parti mill-ħidma tat-Taqsima tal-Kura, Rintegrazzjoni u Edukazzjoni, li tieħu ħsieb il-pjan ta’ kura tar-residenti. Il-pjan ta’ kura jinkludi fih terapija, edukazzjoni u sport.
Mano Micallef, flimkien mal-kollega tiegħu Ryan jieħdu ħsieb l-aspett sportiv tat-taqsima.
Mano spjega kif l-għan tat-taqsima huwa li r-residenti joħorġu mill-faċilità korrettiva aħjar milli kienu meta daħlu, u li ma jħarsux lejn is-sessjonijiet tal-isport bħala mod kif jgħaddu ftit siegħat.
Qal, “Aħna ma rridux li r-resident jgħid “Għandna sagħtejn, ħa ninżlu fil-grawnd u ngħaddu l-ħin, innaqsu sagħtejn mis-sentenza.” Aħna rridu li meta jkollu l-opportunità jipparteċipa fl-isport, jinżel jieħu pjaċir, jintegra ma’ persuni oħra, ikun pożittiv u jieħu l-punti li nkunu qed nippruvaw inwasslu aħna biex jistgħu jintużaw wara li spiċċat is-sessjoni. Aħna nenfasizzaw ħafna fuq anger-management, decision-making bid-deċiżjonijiet li tieħu waqt li tipparteċipa, komunikazzjoni.”
Huwa stqarr kif dan l-għan qiegħed jintlaħaq, hekk kif irrimarka li r-residenti kollha jkunu ħerqana sabiex jagħmlu l-attivitajiet sportivi.
Spjega li f’dawn l-attivitajiet, ir-residenti jintegraw flimkien b’mod speċjali, hekk kif minkejja l-kulturi, etajiet u esperjenzi differenti tagħhom, jingħaqdu flimkien.
Mano tenna li l-lezzjonijiet li jitgħallmu f’dawn l-attivitajiet jibqgħu mar-residenti.
Qal, “Permezz tal-isport inwasslu messaġġ apparti li tkun qed tgħin lilek innifsek fiżikament, tgħin anke mentalment. Dak li tista’ tagħmel waqt li tipparteċipa fl-isport tista’ tieħdu miegħek barra.”