Id-domanda għall-elettriku f’pajjiżna, li dejjem qed tikber, tirrikjedi li jsir investiment kapitali fit-tisħiħ tal-infrastruttura tad-distribuzzjoni biex tkun assigurata l-provvista tal-elettriku.
Dan b’mod speċjali hekk kif matul dan is-sajf qed jiġi rreġistrat konsum rekord ta’ elettriku,
Fid-dawl ta’ dan crew ta’ ONE News segwa wħud mix-xogħlijiet li qegħdin isiru biex l-infrastruttura tal-enemalta tlaħħaq mad-domanda tad-dawl.
B’hekk in-network kollu ta’ pajjiżna jkun kapaċi mhux biss jilħaq id-domanda iżda jkollu sistemi awtomatiċi li jgħinu f’każijiet ta’ ħsara.
Dwar dawn ix-xogħlijiet tkellimna mal-Inġinier Bernard Farrugia li huwa responsabbli mill-Imaniġġjar ta’ Proġetti Diviżjonali.
Huwa spejgalna kif dan kollu qed isir b’investiment li jlaħħaq id-disgħin miljun ewro fuq medda ta’ sitt snin.
“Bħalissa l-Enemalta għaddejja minn proġett ta’ rinfurzar ta’ dan in-network ta’ ħmistax-il miljun, kull sena għas-sitt snin li ġejjin. Iġifieri qed ninvestu fuq disgħin miljun biex nagħmlu t-tisħiħ ta’ dan in-network.”
Ix-xogħlijiet jinkludu tibdil ta’ wires mwaħħla mal-faċċati, li jkunu ta’ vultaġġi żgħar sa trinek taħt l-art u xogħlijiet fid-diversi siti tal-Enemalta bħal substations u ċentri tad-distribuzzjoni li hawn mferrxin madwar il-pajjiż.
Fost l-oħrajn, f’Ħal Qormi assistejna għal tibdil fil-wires minn dawk magħrufa bħala single-phase għal oħrajn three-phase filwaqt li f’Ta’ Qali rajna xogħlijiet marbuta ma’ preparazzjoni fuq substation moderna u fl-Imrieħel kien għaddej xogħol fuq transformer.
L-Inġinier Farrugia nnota magħna l-importanza ta’ dan l-investiment infrastrutturali hekk kif inkella jġib miegħu diversi sfidi.
“Sfidi jkollok, jekk it-tisħiħ ma jsirx il-problema hi li l-iżvilupp ikompli jikber u d-domanda tal-elettriku ma tkunx qed tlaħħaq mal-iżvilupp u lanqas in-network li jkollna fl-irħula ma jkunx qiegħed ilaħħaq. Allura bilfors inti trid li żżid u dejjem tkabbar u tibdel l-antik ukoll.”
Minkejja li dan ix-xogħol jaf joħloq inkonvenjent fejn ikun qed isir, huwa essenzjali li dan isir biex is-sistemi jibqgħu jassiguraw provvista agedwata ta’ elettriku.
Għaldaqstant, l-Enemalta tieħu ħsieb li tinnotifika lil dawk li jkunu se jiġu affettwati bi qtugħ skedat ta’ dawl li jipprevjeni ħsarat akbar fil-futur.
“Meta jkun ħa jinqata’ d-dawl pereżempju, meta s-sezzjonijiet tal-manutenzjoni jkunu ħa jagħmlu ċertu manutenzjoni ninfurmaw lill-pubbliku erba’ u għoxrin siegħa ġieli anki tmienja u erbgħin siegħa minn qabel b’SMS.”
B’hekk wieħed ikun ippreparat sabiex ikun jista’ jaġġusta għall-manutenzjoni li tkun qed issir fl-akwati.
Barra xogħlijiet ta’ manutenzjoni, l-immodernizzar tal-apparat huwa kruċjali biex jnaqqas il-ħinijiet ta’ qtugħ ta’ dawl, f’każijiet ta’ ħsarat mhux previsti.
“Fil-fatt, din kienet deċiżjoni li ħadna ftit tas-snin ilu illi l-equipment il-ġdid tal-Enemalta li qed nixtru qed jiġi diġà armat b’sistemi ta’ automation jew remote switching illi tagħti l-faċilità li ma jkollokx l-operatur, jiġifieri l-inġinier u t-tekniku fuq il-post ġos-substation biex jagħmel operazzjoni fuq l-iswitch gear.”
Minflok is-sistemi jitranġaw u jinqelbu mill-uffiċini ġenerali tal-Enemalta u fi ftit tal-ħin terġa’ tibda tingħata l-provvista tal-elettriku mingħajr dewmien.