Daryl Mark Pace ta’ 29 sena mill-Ħamrun inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti wara li allegatament daħal jisraq b’pistola tal-plastik minn stabbiliment tal-logħob tal-azzard.
Il-każ seħħ fl-14 ta’ Awwissu meta l-imputat allegatament wettaq serqa ta’ flus kontanti mill-istabbilitment fil-Marsa, liema reat kien aggravat bi vjolenza hekk kif kellu fil-pussess tiegħu imitazzjoni ta’ arma tan-nar.
Il-Prosekuzzjoni qalet li minn filmati elevati minn kameras tas-sigurtà l-imputat deher ibiddel il-ħwejjeġ, madanakollu baqa’ bl-istess żarbun.
Huwa kien identifikat wkoll bit-tpinġijiet li għandu.
Filmati minn kameras ta’ sigurtà wrew lill-imputat sejjer lura d-dar. Barra minn hekk, huwa żamm kontra l-volonta tiegħu lil persuna oħra bil-ħsieb ta’ estorsjoni ta’ flus jew ħwejjeġ oħra.
Pace affaċċja wkoll akkużi marbuta ma’ serqa li allegatament wettaq ma’ persuni oħra minn fuq stabbiliment tax-xagħar fil-Marsa għad-dannu ta’ terza persuna fil-lejl ta’ bejn it-22 u 23 ta’ Ġunju.
Huwa kiser ukoll il-kundizzjonijiet imposti għall-ħelsien mill-arrest li kien ingħata b’rabta ma’ reat passat filwaqt li kien riċediv.
Hawnhekk, il-Prosekuzzjoni nnotat li l-imputat ikkopera mal-Pulizija waqt l-investigazzjonijiet tagħhom.
Il-validità tal-arrest ma ġietx ikkontestata filwaqt li l-imputat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.
Iżda, l-avukat tal-għajuna legali għamel talba għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat. Din it-talba kienet oġġezzjonata mill-Prosekuzzjoni hekk kif għad fadal xhieda x’jixhdu quddiem il-Qorti u li jafu lill-imputat.
Il-Prosekuzzjoni argumentat ukoll kif l-imputat għandu problema akuta tad-droga u joqgħod fl-istess residenza ma’ ommu li wkoll għadha l-istess problema.
Għaldaqstant wara li semgħet l-argument tad-difiża u tal-Prosekuzzjoni, il-Qorti ċaħdet il-ħelsien mill-arrest minħabba l-biża’ ta’ intralċ tal-provi.