Is-Soċjeta’ Filarmonica La Vittoria tal-Mellieħa tinsab tħejji għal kunċert fejn fih ser tiġi imnedija s-CD ta’ marċi brijużi ġodda għas-sena 2022. F’dan il-kunċert fuq il-planċier se jieħdu sehem il-Banda La Vittoria flimkien mal-Kor tas-Soċjeta’ Vuċijiet Vittorjani’
Interessanti l-fatt li apparti d-Direttur Mużikali tal-Banda Mro. Ryan Mallia u l-Assistenti Diretturi Mużikali Mro. Hertian Gauci u Mro. Andrea Cassar sejrin jidderiġu l-Banda La Vittoria l-kompożituri attivi tal-istess marċi li huma Mro. Joseph Vella, Mro. William Debattista, Mro. Mauro Farrugia, Mro. Philip Schembri li ser ikun qed jidderiġi l-marċ ta’ ibnu Mro. Kristian Schembri, is-Sur John Cutajar u s-Sur Charles Abela.
Dawk kollha delettanti se jkollhom varjazzjoni ta’ marċi x’jisimgħu għax din ic-CD tinkludi taħlita ta’ kompożizzjonijiet lokali u oħrajn internazzjonali bi stili tradizzjonali, moderni u kontemporanji. Ix-xoghol ta’ dan ic-CD ġie fdat lir-recording Engineer, is-Sur Alan Schembri. Dan kollhu ser isir nhar is-Sibt 20 t’Awwissu fit-8pm, fil-Pjazza tal-Parroċċa – il-Mellieħa. Jippreżenta l-kunċert is-Sur Ray Azzopardi. Kulħadd huwa mistieden u d-dħul għal din l-attivta’ huwa bla ħlas. Wara l-kunċert wiehed ikun jista jakkwista din is-CD b’donazzjoni ta’ darba ta’ €5.