Bħalissa għaddej xogħol ta’ restawr fuq is-swar li jibqa’ sejjer sa Boiler Wharf fl-Isla, b’investiment ta’ mija u erbgħin elf ewro.
Dawn ix-xogħlijiet bdew f’Mejju li għadda u jinsabu fl-aħħar fażijiet tagħhom.
F’konferenza tal-aħbarijiet l-Erbgħa filgħodu, il-Perit Amanda Degiovanni spjegat fid-dettall ix-xogħlijiet li saru u qed isiru.
Hija tenniet li l-ħajt tal-fortifikazzjoni kien f’kundizzjoni ħażina ħafna, b’xogħol tal-ġebel fi stat ta’ deterjorazzjoni kbira u b’żoni f’riskju ta’ kollass.
Qalet, “Dan is-sur kien fi stat ħażin ħafna, b’areas li kienu kkundannati minħabba l-periklu li kienu qed joffru kemm lin-nies u anke l-karozzi li kienu jipparkjaw fil-viċinanzi. Għalhekk sar kwantità sostanzjali ta’ bdil ta’ ġebel minħabba li l-ġebel kien deterjorat esaġerat li kien f’periklu li jista’ jaqa’.”
Is-sindku tal-Isla, Clive Pulis, irrimarka li dan il-proġett se jkompli jgħolli l-livell tal-lokalità tal-Isla.
Qal, “B’dan ix-xogħol ta’ restawr li għadu kif sar li rajna dalgħodu se jkompli jagħmel differenza fil-lokalità tal-Isla.iż-żona kienet ta’ periklu ġdid, kien ikollna diversi lmenti mingħand ir-residenti. B’hekk bħala kunsill lokali ħadna azzjoni mad-dipartiment tar-restawr flimkien mal-Fondazzjoni tal-Kottonera u minn hemmhekk bdejna niddiskutu biex illum qed naraw xogħol sabiħ li ħa jkompli jgħolli l-valur tal-loklità tagħna tal-Isla.”
Iċ-Chairman tal-Fondazzjoni tal-Kottonera Glenn Bedingfield qal li bħalissa għaddejjin diversi xogħlijiet ta’ restawr u proġetti oħra madwar il-Kottonera li l-valur tagħhom huwa ta’ madwar €20 miljun.
Preżenti waqt il-konferenza kien hemm il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, li t-tnejn qalu kif b’inizjattivi bħal dawn, jiġi mħares il-wirt nazzjonali li jsawwar l-identità tagħna l-Maltin.