Minn ċkunitu beda jdoqq fis-sekondarja ma’ sħabu, u issa qiegħed idoqq ma’ DJs rinomati barra minn Malta u sar ikona fix-xena tad-divertiment lokali.
Din hija l-istorja ta’ Daniel Briffa, DJ ta’ talent kbir magħruf aħjar bħala id-Debrii.
Għal dawn l-aħħar disa’ snin, Daniel kien ilu jdoqq b’impenn u passjoni kbira, mindu kellu biss ħmistax -il sena, u għalhekk, huwa ra x-xena tad-divertiment Maltija tikber u tevolvi għal waħda li tiġi mqabbla ma dik f’Ibiza.
Ma’ ONE News Daniel tkellem dwar kif sar interessat f’dan l-arti minn età żgħira, u ta’ ħmistax -il sena beda jdoqq f’avvenimenti żgħar.
Huwa stqarr magħna kif illum il-ġurnata, meta jkun fuq il-palk, ix-xewqa tiegħu mhix biss li jagħti lil min ikun hemm quddiemu spettaklu, iżda li joħloq memorja għal kull min ikun preżenti.
“Nemmen li ħafna min-nies li qiegħdin fil-mużika, fl-arti u fil-midja, l-aktar ħaġa li jixtiequ jakkwistaw hija legat. Jiena meta ż-żmien tiegħi bħala DJ jispiċċa rrid li nħares lura, jew ħaddieħor iħares lura u jgħid ‘Dak għamel ħoss, biddel xi ħaġa’ jew ‘Dak il-lejl daqq Debrii’. Allura l-aktar ħaġa li nfittex li nagħmel meta mmur fuq il-palk hija li nqabbad xi ħadd il-bard, jew noħloq memorja, nibni xi ħaġa li ħaddieħor ma jistax jagħti, allura bħal kull arti tħalli l-messaġġ tiegħek.”
Ta’ spiss Daniel ikollu l-opportunità jiltaqa’ ma’ DJs barranin rinomati li jkunu qed idoqqu f’pajjiżna, u miegħu jistqarru kif Malta timpressjonahom bil-ġmiel tagħha, u anke bix-xena tad-divertiment li għandha minkejja ċ-ċokon tagħha.
Fil-fatt, spjega kif tul is-snin, huwa ra diversi bidliet fix-xena tad-divertiment lokali, hekk kif bl-għajnuna tal-artisti, l-organizzaturi u kull min għandu x’jaqsam f’dan is-settur, l-avvenimenti qed jittellgħu b’mod ferm aktar professjonali.
Apparti minn hekk, Daniel spjega wkoll kif iħoss li l-ħolm tiegħu qed isiru realtà f’dawn il-mumenti li jiltaqa’ ma’ artisti famużi meta jkun imsiefer, jew ikunu qiegħdin f’pajjiżna.
“Tixtri magazine tad-DJ u tara lil dan-nies fuq il-cover u tgħid kemm huma tal-blieħ. Umbagħad jiġu hawn u tieħdilhom b’idejhom qabel jitilgħu idoqqu jew tkellimhom ftit żgħira wara, għalija qed ngħix il-ħolma tiegħi, huwa unur kbir u ovjament nista’ nitgħallem minnhom dan-nies.”
Riċentament huwa siefer biex idoqq f’avveniment barra minn xtutna għat-tieni darba fil-karriera tiegħu, hekk kif l-ewwel darba li siefer biex idoqq kien ftit xhur qabel il-pandemija, fejn ftit wara l-avvenimenti ta’ divertiment kienu waqfu kompletament madwar id-dinja.
Minkejja dan in-nuqqas t’attività fid-dinja tad-divertiment waqt il-pandemija, Daniel xorta waħda sab opportunità sabiex ikun kreattiv. Magħna stqarr kif sal-lum il-ġurnata waħda mill-aktar produzzjonijiet tiegħu li jsemmulu n-nies hija l-verżjoni tiegħu tal-kanzunetta ta’ serje Malti popolari.
Spjega kif meta kien qed jaħdem fuqha, qatt ma basar li din se tinħabb daqshekk min-nies li jsegwuh.
“Mort id-dar u bdejt nilgħab naqra, għamilt il-beat ta’ warajha u għedt ħa nitfaħha Tiktok, għax nipprova nżomm ruħi attiv fuq il-midja soċjali u kollox. Tfajtha, u la naf mort norqod, imma meta qomt kellha xi għaxart elef view u għidt illallu, din vera sejra tajjeb, ma tantx kelli affarjiet sejrin tajjeb daqshekk.”
Il-karriera ta’ Daniel żgur mhux forsi se tkompli tikber, u bħalissa fl-istaġun tas-sajf huwa impenjat b’diversi avvenimenti, fejn kull ġimgħa jagħti spettakklu lil kull min jisimgħu idoqq.