Josef Bonnici u Osama Elnaib ta’ 39 u 25 sena, inħellsu mill-arrest wara li wieġbu mhux ħatja li allegatament agredixxu u weġġgħu persuna.
Fil-Qorti nstema’ kif l-allegat reat seħħ f’każin f’Birkirkara meta l-allegat vittma u numru ta’ persuni oħra daħlu f’kamra ta’ toilet flimkien, meta Elnaib allegatament prova juża l-istess kamra, u waħda mill-persuni li kienu ġewwa, allegatament imbuttah.
Wara dan, instema’ kif Elnaib ikkonfronta lil wieħed mill-persuni, liema konfrontazzjoni allegatament wasslet għal argument fiżiku li kompla barra l-każin.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, liema talba ġiet oġġezzjonata mill-prosekuzzjoni, hekk kif sostniet li hemm numru ta’ xhieda li jridu jixhdu.
Il-Qorti mmexxija minn Dr Astrid May Grima laqgħat it-talba tal-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet, fosthom li jagħtu depożitu ta’ elfejn ewro kull wieħed u garanzija personali t’għaxart elef ewro kull wieħed.
Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-allegat vittma.