Illum il-ġurnata, l-Ordni ta’ San Ġwann m’għadhiex ordni militari, bħal meta kienet tmexxi lill-pajjiżna, bejn is-seklu sittax u s-seklu tmintax.
F’intervista ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet, il-Gran Prijur ta’ Ruma, Fra Edward John Critien qal li m’hemmx għalfejn l-Ordni tiddefendi l-fidi Kristjana permezz tax-xwabel.
Huwa spjega magħna li l-Ordni hija waħda Ospitaliera, bħal ma’ kienet fit-twaqqif tagħha f’Ġerusalemm taħt it-tmexxija ta’ Fra Gerardu. Dan hekk kif dak iż-żmien kienet tgħin pellegrini Kattoliċi fl-Art Imqaddsa fi żmien il-Kruċjati.
Illum il-ġurnata, l-Assoċjazzjoni Nazzjonali ta’ Malta tal-Ordni ta’ San Ġwann qed tgħin lil dawk li ħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna.
Dan permezz ta’ ġbir ta’ fondi u anki ta’ prodotti li ntbagħtu f’pajjiżi viċin il-fruntiera tal-Ukrajna; fosthom fil-Polonja u r-Rumanija.
Din ma kinitx l-uniku għajnuna li l-Maltin fl-Ordni taw lill-Ukrajna.
“Membri tal-Ordni jew ħbieb tal-Ordni, mhux membri biss, kellhom jew għandhom xi proprjetajiet li kienu liberi u ma kellhomx nies joqgħodu fihom, u għamluhom disponibbli għall-familji mill-Ukrajna li ġew Malta.”
Fra John spjega kif l-Ordni ma tħarisx lejn uċuħ, hekk kif l-għan tagħha huwa li tgħin lin-nies.
“Il-karatteristika tal-Ordni mill-bidu nett hija li l-għajnuna li tagħti l-Ordni mhijiex għajnuna biss għall-Kattoliċi. Le, l-għajnuna hija għal min għandu bżonn. Jista’ jkun Lhudi, jista’ jkun Musulman, jista’ jkun ateju, jista’ jkun li jrid. Imma l-interess tagħna huwa li nsaqsu n-nies, mhux x’inhu r-reliġjon tiegħek, imma x’għandek bżonn mingħandi?”
F’intervista ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet, il-Gran Prijur ta’ Ruma appella sabiex il-Maltin jibżgħu għall-patrimonju li ħallew il-Kavallieri fiż-żmien meta kienu jmexxu pajjiżna.
B’dan jitgawda ta’ kuljum mill-Maltin u t-turisti f’diversi rkejjen ta’ pajjiżna.
“Dan iż-żmien napprezzaw u l-Gvern Malti japprezza kemm hu importanti li nibżgħu għal dan il-patrimonju enormi li ħallew warajhom il-Kavallieri, meta tkeċċew mill-Ġeneral [Napuljun] Bonaparte u issa hu patrimonju tar-Repubblika ta’ Malta biex aktar nattiraw u aktar infehmu n-nies, l-irwol li kellhom il-Kavallieri fil-passat u li għad għandhom il-Kavallieri fil-preżent.”