Pittura ta’ Mattia Preti li tmur lura 340 sena, għal żmien il-Pesta f’Malta, reġgħat ħadet is-sura oriġinali tagħha wara xogħol ta’ restawr estensiv li dam għaddej sena.
Din il-pittura tinsab fil-Knisja Arċipretali ta’ Santa Katerina ż-Żurrieq u x-xogħol prinċipali fuqha sar min tim ta’ tliet konservaturi: Anthony Spagnol, Sephora Borg u Jeanelle Lentini.
Il-konservaturi spejgaw kif saru numru ta’ interventi matul is-snin, u li qabel seta’ jsir xogħol ta’ konservazzjoni, kellu jitneħħa dak li sar qabel. Iżda, biex dan seta’ jsir, huma kellhom jagħmlu riċerka estensiva biex iqarbu r-restawr mal-pittura oriġinali.
“L-aktar intervent li offra sfida kien it-tneħħija ta’ dawk l-istrati pittoriċi li żdiedu fuq il-kwadru matul is-snin, u dawk ma kienux faċli. Kien hemm interventi li jmorru lura sa tletin sena ilu, però kien hemm interventi li jmorru lura ħafna aktar minn daqshekk u allura dik it-tip ta’ żebgħa trid ħafna paċenzja u ħafna know how biex inti tkun tista’ tneħħiha mingħajr ma’ tagħmel ħsara liż-żebgħa oriġinali.”
Hekk kif bdew jeżaminaw il-pittura f’aktar detal, il-konservaturi ltaqgħu ma’ xi ħaġa li mhux tas-soltu ssibha f’pittura. Fil-fatt, it-tila kienet mirquma bi qmis, li l-konservaturi rnexxielhom jiddatawa għas-seklu 19.
“L-ewwel intervent irrekordjat miktub huwa fl-1792, ara kemm immur lura, imbgħad kien hemm interventi oħra fis-seklu 19 u jista’ jkun li din il-qmis bil-buttuna tal-madreperla ġiet inserita fil-kwadru dak iż-żmien.”
Iċ-Chairperson tal-Malta Airport Foundation, Josef Formosa Gauci, qal li dan il-proġett setgħa jsir permezz tal-għajnuna mill-Fondazzjoni, li diġà kienet ta’ għajuna fi proġetti oħra ta’ restawr.
“L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jaħseb li huma importanti ħafna għalhekk ifforma din il-fondazzjoni, il-Malta Airport Foundation, illi l-għan prinċipali tagħha huwa li ttejjeb affarijiet li għandhom x’jaqsmu mal-prodott turistiku, speċjalment fl-akwati tal-ajruport.”