L-Arċisqof ta’ Malta qal li fil-qalb tiegħu għandu lill-parruċċani ta’ Marsaxlokk u lil dawk li huma milquta minn dak li jġibilna swied il-qalb.
Monsinjur Charles Jude Scicluna sostna dan ftit tal-ħin wara li quddiem il-Qorti tressaq il-Kappillan ta’ Marsaxlokk Dun Luke Seguna mixli fost l-oħrajn b’ħasil u miż-appropjazzjoni ta’ flus.
L-Arċisqof kien qed jitkellem f’omelija jiem qabel il-festa ta’ Santa Marija f’Ħad-Dingli fejn Arċipriet ġdid ħa l-pussess tal-parroċċa.
Monsinjur Arċisqof sostna li s-siġra li taqa’ tagħmel ħafna ħoss iżda fakkar fil-foresta ta’ siġar li jikbru fis-silenzju.
Qal, “Imma s-siġra li taqa’ ma tistax tnessiena l-foresta ta’ siġar li kontinwament jikbru fis-silenzju, mingħajr ħadd ma jinduna bihom, mingħajr ħadd ipoġġihom fuq il-headlines.”
L-Arċisqof ta’ Malta ta bosta pariri lil Dun David Farrugia, l-Arċipriet il-ġdid ta’ Ħad-Dingli u sellem bosta qassisin u Kappillani ta’ bosta parroċċi.
Monsinjur Scicluna qal li mhux il-mod li naħarqu l-bosk kollu.
Il-Ġimgħa, ftit qabel il-Kappillan ta’ Marsaxlokk beda jaffaċċja l-akkużi, il-Kurja ta’ Malta ħarġet stqarrija li fiha qalet li poġġiet lil Dun Luke Seguna fuq administrative leave.
Hija qalet li qed tikkopera mal-awtoritajiet fuq dan il-każ.
Il-Kappillan tax-Xlukkajri baqa’ jinżamm arrestat u ttieħed l-isptar wara li ħassu ma jiflaħx fl-awla.
Imbagħad il-Ġimgħa filgħaxija, l-Arċisqof ta’ Malta sostna li l-mikri għandu interessi oħra.
Qal, “Ragħaj mhux merċinarju, biex tkun ragħaj mhux mikri.”