F’Lulju t-temperatura massima kienet ta’ (38.8°C, filwaqt li t-temperatura ta’ wiċċ il-baħar kienet ta’ 2.7°C ogħla min-normal.
Dan propju ħareġ minn aġġornament li ta l-Uffiċċju Meteoroloġiku f’Ħal Luqa, fejn ġie spjegat li kif l-ogħla temperatura ntlaħqet fit-tieni jum tax-xahar ta’ Lulju, filwaqt li dik l-aktar baxxa kienet ta’ kważi wieħed u għoxrin gradi celsius u tkjelet fit-tnax-il jum.
It-tieni xahar tas-sajf meteoroloġiku kien imdawwal bi 378 siegħa xemxin, bis-sittax ta’ Lulju jkun l-aktar jum xemxi, hekk kif tkejlu ftit aktar minn 13-il siegħa xemxin.
Matul ix-xahar l-Uffiċċju Meteoroloġiku f’Ħal Luqa kejjel 0.2mm xita, jiġifieri ftit aktar min-norma klimatika ta’ Lulju.
It-temperatura medja tal-baħar kienet ta’ 27.9°C. Din it-temperatura kienet ogħla anki mill-medja ta’ Awwissu ta’ 26.7°C.
Lulju kien xahar aktar kalm milli mistenni, bil-veloċità tar-riħ medja tkun ta’ 5.9 knots minflok in-norma ta’ 6.9 knots. Il-buffura massima tax-xahar ta’ 34 knots tkejlet fit-8 ta’ Lulju mill-Majjistral kwarta Punent.
Intant, bejn l-10 u t-12 ta’ Awwissu, il-gżejjer Maltin intlaqtu minn ħalbiet ta’ xita, li kienu akkumpanjati minn beraq, buffuri ta’ riħ u qawwijin f’xi waqtiet.
Dan it-temp huwa mistenni f’dan iż-żmien tas-sena, bil-preżenza tal-għarajjex ta’ Santa Marija, li huma sinonimi max-xahar ta’ Awwissu, jindikaw li dalwaqt ġejja bidla fl-istaġun.
L-Uffiċċju Meteoroloġiku qiegħed ibassar temp ġeneralment sabiħ minn nhar is-Sibt sa nhar il-Ħamis.
Huwa mistenni li xi temperaturi fil-jiem li ġejjin ikunu ogħla min-norma klimatika ta’ Awwissu ta’ 32°C, bit-temperatura mistennija tilħaq massimu ta’ 36°C nhar l-Erbgħa 17 ta’ Awwissu.