Qed jissoktaw l-aħħar preparamenti għall-Glitch Festival li ser jirritorna mill-ġdid f’pajjiżna bejn it-13 u s-16 ta’ Awwissu.
Waqt żjara li għamel fil-kumpless ta’ Gianpula, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo, intqal kif dan il-festival ser jara l-wasla f’pajjiżna ta’ aktar minn 65 artist internazzjonali..
Fost id-DJ’s prezenti, ser ikun hawn; Ben Klock, Nina Kraviz, Amelie Lens, Dax J, Fjaak u Mall Grab fost oħrajn biex b’hekk l-edizzjoni ta’ din is-sena se tħaddan l-akbar line-up ta’ artisti li qatt kellu dan il-festival.
Il-parties li jsawru dan il-festival se jsiru f’postijiet differenti madwar Malta.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Carlo Micallef qal li din l-edizzjoni tal-Glitch Festival hija kruċjali għal dan il-qasam, speċjalment wara l-isfidi kbar li ġabet magħha l-pandemija.
Żied jispjega l-preparamenti kbar li saru fl-aħħar xhur minn wara l-kwinti biex dan il-festival seta’ jsir possibbli.
Micallef spjega, “Festival bħal dan jeħtieġ preparamenti, b’ħafna xogħol qabel. L-ewwel li ma jagħmel l-organizzatur, illi jibbukjaw l-artisti għal dan il-festival, jibdew jippreparaw il-loġistika. Min-naħa tagħna bħala Awtorita’ tat-Turizmu, naħdmu sabiex nibdew il-marketing barra l-pajjiż.”
Il-Ministru Clayton Bartolo fid-diskors tiegħu reġa tenna l-ħidma tal-Gvern biex Malta tibqa’ tkun minn ta’ quddiem nett fejn tidħol in-niċċa ta’ turiżmu relatat mal-festivals.
Dan biex fl-aħħar mill-aħħar Malta tibqa’ kompettitiva u tattira numru sabiħ ta’ turisti li jibqgħu jdawru l-ekonomija Maltija.
Il-Ministru Bartolo rrimarka, “Dan il-festival, flimkien ma’ oħrajn, ser jgħin biex l-irkupru turistiku jkun wieħed li jżid fir-ritmu tiegħu matul il-ġimgħat li ġejjin. Iħalli multiplier effect tajjeb fl-ekonomija ta’ pajjiżna.”