Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech mar fuq ir-radju tiegħu u saħaq biex nies fil-Partit Nazzjonalista stess jew dawk li kienu jimmilitaw fih, ma jkomplux ituh il-gambetti.
F’intervista li għamel, Grech kompla juri li jmexxi partit mifrud.
“Bħala partit għandna bżonn inkomplu nissaħħu kuljum u naħdmu f’direzzjoni waħda. Għaliex kull darba li nagħtu gambetta lil xulxin, kull darba li ma nagħmlux xogħolna, kull darba li nonqsu. Inkunu qegħdin nonqsu lill-poplu.”
Fl-aħħar jiem, Bernard Grech għamel stqarrijiet pubbliċi għal aktar minn darba biex saħansitra giddeb lil Robert Arrigo fuq allegazzjonijiet li għamel Arrigo nnifsu, li nies qrib Grech weġġgħu lil Arrigo u l-Partit Nazzjonalista warrab lil dak li kien Viċi Kap.
Saħansitra l-eks Viċi Kap akkuża lil Bernard Grech li gideb meta qal li l-proċess intern ta’ dixxiplina fuq is-Sindku Nazzjonalista tan-Naxxar, kien għadu ma ntemmx.
Skont Arrigo, Bernard Grech baqa’ jtawwal għax ir-rapport dwar is-Sindku tan-Naxxar ma kienx għoġbu.
Is-Sindku tan-Naxxar kienet akkużat lill-Kap Nazzjonalista b’logħob partiġġjan u rrifjutat li tirriżenja anki jekk kien talabha tagħmel dan il-Kap.
Fuq dan kollu, Bernard Grech ħareġ igiddeb lil Arrigo u jgħid li dak li qal il-Kelliem għat-Turiżmu mhu veru xejn.
Wara d-dikjarazzjonijiet ta’ Bernard Grech, li issa qed jgħid li qed isirulu l-gambetti, Arrigo ħareġ jerġa’ jgħid li Bernard Grech huwa giddieb u indika li dan għandu jirriżenja.
Fl-aħħar jiem kompla jqum ġlied ġdid fil-partit ta’ Bernard Grech, li għadu mifni bil-firda.
L-eks Kap Adrian Delia esiġa li tittieħed azzjoni fil-konfront ta’ dawk li għaddew lil Arrigo minn martirju filwaqt li eks esponenti tal-Partit Nazzjonalista komplew isostnu li l-politika t’esklużjoni mħaddna mill-Partit Nazzjonalista se twassal biex iżjed nies jitilqu mill-partit.