Illum għall-ħabta tal-ħdax u nofs ta’ filgħodu, il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra l-Ħasil tal-Flus fi ħdan id-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet tar-Reati Finanzjarji, se tressaq il-Qorti taħt arrest, lill-Kappillan ta’ Marsaxlokk, Luke Seguna.
Huwa ser jiġi akkużat quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Donatella Frendo Dimech b’reati ta’ ħasil ta’ flus, miżapproprjazzjoni, frodi u falsifikazzjoni ta’ dokumenti, fost akkużi oħra.
Intant fi stqarrija l-Kurja qalet li s-Saċerdot tpoġġa fuq administrative leave b’effett immedjat sakemm jibqgħu għaddejin il-proċeduri.
Fil-fatt, tul dan iż-żmien il-parroċċa se tkun taħt it-tmexxija ta’ amministratur maħtur mill-Arċisqof Charles Scicluna.
Fl-istqarrija, il-Kurja żiedet tgħid li l-Arċidjoċesi offriet il‑koperazzjoni sħiħa tagħha lill‑awtoritajiet u se tfittex li tistabbilixxi jekk il‑kappillan mexiex ma’ policies dwar donazzjonijiet li huma diġà stabbiliti.
Minħabba li għaddejjin proċeduri, l‑Arċidjoċesi temmet tgħid li mhux se tikkummenta dwar dan il‑każ.