Ħamrun Spartans huwa l-ewwel klabb Malti li qatt ikkwalfika għall-play-offs ta’ kompetizzjoni Ewropeja. Dan wara li l-Ħamis filgħaxija fil-Bulgarija, l-Ispartans għelbu lit-tim Bulgaru ta’ Levski Sofia wara l-għoti tal-penalties għal skor ta’ 4 – 1.
Il-ġimgħa li għaddiet Ħamrun tilfu fl-aħħar sekondi tal-partita 1 – 0 f’Malta u għalhekk riedu bilfors jiskorjaw żewġ gowls sabiex jikkwalfikaw.
Wara taqsima mingħajr gowls, Ħamrun marru fil-vantaġġ fil-78 minuta permezz ta’ Matthew Guillaumier iżda fil-91 minuta, l-Bulgari ġabu l-gowl tad-draw permezz ta’ Cordoba Chambers. F’dan il-ħin il-Bulgari kienu ser jikkwalfikaw iżda Ħamrun reġgħu skorjaw sekondi biss wara bi ġmiel ta’ xutt ta’ Ryan Camenzuli biex għalhekk il-partita kellha tmur għall-ħin barrani u saħansitra għall-penalties, wara li ma ġie skurjat ebda gowl fit-tlettin minuta addizjonali.
Ħamrun Spartans skorjaw il-penalties permezz ta’ Freitas, Montabello, Guillaumier u Fedele b’Tsuanmi u Krastev jfallu għal Levski Sofia grazzi għal żewġ saves mill-aqwa tal-goalkeeper Henry Bonello.
Kienu bosta li fuq il-midja soċjali esprimew is-sodisfazzjon tagħhom għal dan it-tragward storiku.
Fosthom kien hemm il-Prim Ministru Robert Abela.
Dr Abela spjega li dan ir-riżultat jimmotiva lil Malta għal aktar suċċessi sportivi.
Huwa esprima wkoll is-sodisfazzjon tiegħu għal wirjiet qalbiena fl-istess kompetizzjoni minn Gzira United u Hibernians FC.