Membri tal-istaff tal-Kulleġġ San Albert il-Kbir tal-Belt qalu lil ONE News li japprezzaw is-sostenn u l-akkoljenza li ngħataw mill-Arċisqof Charles Sciculna għall-isforzi li qed jagħmlu sabiex jgħixu l-viżjoni tagħhom.
Huma qalu dan fl-isfond tal-fatt li, nhar it-Tlieta li għadda, l-Arċisqof kellu laqgħa ma’ madwar 50 membru tal-istaff tal-Kulleġġ. Dan l-iżvilupp seħħ wara li l-Arċisqof offra li jimmedja fil-kwistjoni bejn il-Kulleġġ San Albert il-Kbir u l-Unjin Maltija għall-Għalliema, l-MUT, dwar it-tilwima industrijali li rreġistrat il-unjin mal-Ordni tad-Dumnikani wara t-tkeċċija ta’ Mario Mallia minn Kap tal-Kulleġġ.
B’mod partikolari, l-istaff irrefera għas-suġġett “MEET”. Permezz ta’ dan l-ispazju, studenti minn reliġjonijiet differenti setgħu jiltaqgħu u jiddiskutu x’jagħmilhom differenti u jitgħallmu jirrispettaw dawn id-differenzi.
Huma qalu li huma kburin li l-Arċisqof ikkonferma li l-inizjattivi li ħadu matul is-snin bħala Kulleġġ, taħt it-tmexxija ta’ Mario Mallia, huma f’sintonija mal-viżjoni tal-Knisja kif espressa mill-Papa Franġisku u mill-Arċisqof innifsu.
Matul din il-laqgħa, l-istaff wera x-xewqa li dan kollu jħalli effetti pożittivi fuq l-iskejjel tal-Knisja u l-edukazzjoni.
Waqt il-laqgħa ġew diskussi wkoll il-bżonn li l-istituzzjonijiet tal-Knisja jħarsu l-komunitajiet minn nies li jridu jieħdu wisq poter f’idejhom.
L-istqarrija temmet tgħid li l-istaff wera l-fiduċja tiegħu lil l-Arċisqof bħala ragħaj spiritwali.