Il-ħalba xita li għamlet ħarbtet il-festi, tant li dawk li f’dawn il-jiem qed jiċċelebraw il-festa ta’ Santa Marija kienu bejn ħaltejn dwar x’għandhom jagħmlu biex ix-xogħol li ilhom jippreparaw għalih ma jispiċċax fix-xejn. Dan b’mod speċjali wara sentejn lil hinn mill-festi kif nafuhom minħabba l-pandemija. Iżda, x-xita f’Awwissu mhix rari f’pajjiżna, u għalhekk f’dawn iż-żminijiet nisimgħu ħafna bl-għarajjex ta’ Santa Marija.
ONE News żar l-Uffiċju Metrjoloġiku u tkellimna mal-bassar tat-temp Patrick Zahra li spjega kif fi snin riċenti l-gżejjer Maltin kienu miltuqa minn maltempati.
“Fl-2015 mhux biss kellna x-xita, imma kellna xi ħames darbiet minnhom kienu bil-maltempati bir-ragħad. Fl-2018 ukoll, illum ukoll seħħew maltempati bir-ragħad, kienu ftit aktar in-naħa ta’ fuq ta’ Malta milli hawnhekk, in-naħa t’hawnhekk ma laqtux, jiġifieri m’hemm xejn li wieħed jista’ jgħid li hija xi ħaġa mhux normali.”
F’dawn il-jumejn imsemmija ħalba xita, però jidher li Santa Marija se toħroġ f’temp tipiku sajfi.
“Sa nhar il-Ġimgħa hemm ċans li tagħmel ftit xita, imma mbgħad mis-Sibt ’l hemm, jiġifieri biex ngħidu hekk għall-festi ta’ Santa Marija, suppost l-affarijiet jitranġaw u jerġa’ jiġi temp normali.”
Il-Bassar tat-Temp qalilna kif matul il-jum tal-Erbgħa kienu bosta Ġirbin li għamlu kuntatt mal-uffiċċju Meterjoloġiku biex jaraw kif se jibqgħu għall-festa ta’ San Lawrenz. Fil-fatt, fuq il-paġna tal-Facebook, il-Kumitat Festi Esterni San Lawrenz fil-Birgu talbu lill-partitarji sabiex jgħinuhom biex iżarmaw id-drapp kollu hekk kif huwa mbassar li matul il-lejl tagħmel ix-xita. Filwaqt li s-Soċjetà Filarmonika Santa Marija Mosta ħabbret li kkanċellat in-nar tal-art li kellu jinħaraq l-Erbgħa filgħaxija, iżda n-nar tal-ajru mistenni jibqa’ għaddej kif ippjanat. Dwar l-effetti tax-xita għall-piroteknika tkellimna mal-President tal-Għaqda Piroteknika Maltija li qal li ħalba xita tajba kapaċi tħassar ġimagħtejn preparamenti.
“Ix-xita taffetwa ħafna ħażin. In-nar tal-art ikun diġà beda jintrama bħalma qegħdin taraw hawnhekk u anke festi oħra fejn ikun xogħol kbir ħafna minnu irid ikun diġà beda jintrama u anke jkun hemm li beda, jwaqqfuh ukoll. Hija ħasra għax ċertu kobor ma tistax tgħattih.”
Tenna li hija ħasra kbira li tara s-sagriffiċji tal-voluntiera li jkunu ilhom jippreparaw għall-spettaklu ta’ nar tal-art jispiċċa mwaqqaf.
“Dan jieħu ġranet sħaħ anke ljieli, sagrifiċċji kbar. Hija ħasra jekk pereżempju tintemm bix-xita f’dawn il-festi. Sew f’dan u sew f’festi oħrajn, tkun ħasra kbira għax tagħmel ħafna ħsara żgur.”