Hekk kif l-inkwiet u l-ġlied li qed ikompli jaħkem fil-Partit Nazzjonalista ma jridx ibatti minkejja li dawn tas-sajf huma jiem tradizzjonalment aktar kalmi mill-bqija tas-sena, issa niżlu fl-arena wkoll żewġ eks esponenti ewlenin tal-PN, li xegħlu l-bozza l-ħamra proverbjali dwar is-sitwazzjoni allarmanti li qed tirrenja f’Tal-Pietà.
L-eks President tal-Kunsill Amministrattiv, eks membru tal-kumitat eżekuttiv, u eks Chairman tal-midja tal-Partit Nazzjonalista, Pierre Portelli, kiteb fit-Times biex wissa li l-votanti se jibqgħu jabbandunaw lill-PN jekk ma jsolvix id-diżgwid li għandu fi ħdanu.
Fuq l-istess frekwenza tkellem l-eks Ministru Nazzjonalista Michael Falzon fil-gazzetta Malta Today. Huwa kkritika lit-tmexxija tal-partit talli qed tibqa’ tagħmel l-istess żbalji, li qed iwasslu biex aktar nies jabbandunaw il-partit.
F’artiklu bit-titlu ‘Communication Breakdown’, Pierre Portelli esprima l-iskantament tiegħu għal kif grupp ta’ adulti li jaspiraw li jmexxu l-pajjiż mhumiex kapaċi jpoġġu bilqiegħda f’waħda mill-bosta kmamar tad-Dar Ċentrali biex isibu kompromess dwar id-differenzi ta’ bejniethom.
Huwa ddeskriva l-fatt li l-eks Viċi Kap, Robert Arrigo, għażel li jxandar il-weġgħat tiegħu fil-“festin tal-magħmudija” tas-suċċessur tiegħu bħala turija ta’ kollass fil-komunikazzjoni. Osserva kif il-fatt li Bernard Grech u l-bqija tal-kbarat tal-partit injoraw dak li qal Arrigo, wasslu biex ikompli jitkellem aktar fil-pubbliku.
Pierre Portelli qal li huwa kollass fil-komunikazzjoni meta l-eks Kap tal-Partit, Adrian Delia, jagħżel li jikteb fil-midja soċjali biex joħroġ jappoġġja lil dak li kien il-Viċi tiegħu wara li hu stess kien vittma ta’ attakki simili li swewlu l-kariga tiegħu. L-istess eks Kap, Delia, kellu jirrikorri għall-midja soċjali wkoll biex jippubblika stqarrija li ħareġ minħabba li l-istazzjonijiet tal-Partit ma ġabuhilux.
Portelli fakkar fit-telfa elettorali skunċertanti oħra li għadu kif ġarrab il-PN, in-nuqqas ta’ interess li kien hemm fil-karigi ta’ Kap u ta’ Viċi Kap, u l-fatt li fil-Parlament għadd ta’ deputati injoraw lill-Whip tal-Oppożizzjoni fil-vot dwar il-liġi emendata tal-IVF.
Portelli kiteb li, sfortunatament, il-PN waqqa’ lilu nnifsu fir-redikolaġni, tant li anki dawk li jivvutawlu jsibuha diffiċli jiddefendu l-assurditajiet li joħorġu mid-Dar Ċentrali. Filwaqt li saħaq li t-tesserati jixirqilhom aħjar, wissa li l-qagħda tant aggravat li ma tistax tissolva internament, imma hemm bżonn l-għajnuna ta’ professjonisti minn barra l-partit li huma esperti fl-immaniġġjar tal-kunflitti.
Intant, f’artiklu li kiteb fil-gazzetta Malta Today bit-titlu ‘Grazzi, imma le grazzi’, l-eks Ministru Nazzjonalista Michael Falzon qal li kienet verament attitudni ta’ ingratitudni meta l-kbarat tal-partit ittrattaw lil Robert Arrigo meta kien Viċi Kap bħallikieku kien xi idjota inutli li tajjeb biss biex jiġbor il-flus, meta kienu jafu li d-djun tal-partit kienu l-ikbar uġigħ ta’ ras li kellu l-istess partit u meta kienu jafu wkoll kemm għamel biex jindirizza l-problema.
Filwaqt li nnota li Arrigo weġġa’ meta ngħata biss ħames minuti biex jitkellem fil-Kunsill Ġenerali tal-partit li fih daħal minfloku Viċi Kap ġdid, irrimarka li filwaqt li Arrigo aċċetta dan it-tibdil b’dinjità, lilu ma ttrattawhx b’dinjità.
Michael Falzon qal li dawk fil-PN li implikaw li Arrigo huwa inutli minkejja l-appoġġ qawwi li kiseb min-nies f’kull elezzjoni li ħareġ għaliha, għad iridu jifhmu meta u kif jaġixxu ma’ membri tal-partit li ma jkunux jaqblu magħhom jew li jkun għadda żmienhom.
Sostna li dak li għamlu lil Arrigo, fl-aħħar mill-aħħar, huwa kontroproduċenti u huwa għalhekk li l-PN huwa ddestinat biex ikompli jitlef il-voti.