L-Arċisqof Charles Scicluna kellu laqgħa ma’ madwar 50 membru tal-istaff tal-Kulleġġ San Albert il-Kbir.
Dan l-iżvilupp seħħ wara li l-Arċisqof offra li jimmedja fil-kwistjoni bejn il-Kulleġġ San Albert il-Kbir u l-Unjin Maltija għall-Għalliema, l-MUT, dwar it-tilwima industrijali mal-Ordni tad-Dumnikani li rreġistrat il-unjin wara t-tkeċċija ta’ Mario Mallia minn Kap tal-Kulleġġ.
Min-naħa tagħhom, il-Bord tal-Kulleġġ San Albert il-Kbir u r-Rettur ċaħdu kategorikament l-allegazzjonijiet li Mario Mallia tkeċċa minn Kap tal-Kulleġġ minħabba l-politika dwar l-inklużjoni li kien iħaddem fl-iskola.
Il-laqgħa ġiet iffaċilitata mill-Unjin tal-Għalliema biex tinstab triq ‘il quddiem minħabba dik li l-Unjin sejħitilha bħala tkeċċija inġusta fil-konfront ta’ Mallia.
Il-laqgħa saret fil-Kurja, fil-Furjana.
L-edukaturi, filwaqt li rrakkuntaw l-esperjenzi tagħhom dwar it-tmexxija tal-iskola, irringrazzjaw lill-Arċisqof ta’ din il-laqgħa u ddeskrivewha bħala “opportunità ta’ tama”.
Semmew l-inizjattivi ta’ inklużjoni fl-iskola u esprimew ix-xewqa li iktar skejjel jadottaw inizjattivi li jħallu effetti pożittivi fuq it-tfal u fis-soċjetà.
L-Arċisqof Scicluna esprima t‑tama li fl‑iskejjel tal‑Knisja jiġu implimentati inizjattivi ta’ inklussività fi spirtu ta’ ftuħ u djalogu mal‑partijiet kollha interessati, partikolarment fl‑iskejjel li jaqgħu taħt it‑tmexxija diretta tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta.
L-Arċisqof qal li, b’rispett sħiħ lejn l-awtonomija tal‑Ordni Dumnikan fuq it‑tmexxija tal‑Kulleġġ San Albert il‑Kbir, huwa għamel tentattiv ta’ medjazzjoni wara t‑tkeċċija tal‑eks surmast Mario Mallia, li miegħu l‑Arċisqof iltaqa’ l‑ġimgħa li għaddiet. L-Arċisqof kien ukoll f’kuntatt mal-Provinċjal tal-Ordni Dumnikan.
Għal din il‑laqgħa attendew ukoll id‑Delegat tal‑Arċisqof għall‑Edukazzjoni Kattolika, Patri Charles Mallia O. Carm, u d‑Direttur għall‑Kurrikulu u l‑Istandards fi ħdan is‑Segretarjat għall‑Edukazzjoni Kattolika, u Ian Mifsud.