Hadish Abayu, Etjopjan ta’ tmienja u ħamsin sena nstab mhux ħati li kien il-moħħ wara operazzjoni klandestina.
Il-verdett tal-ġuri, li ħareġ tard ilbieraħ filgħaxija, sab lil Abayu mhux ħati li traffika 181 immigrant mill-Libja għall-Italja fil-25 ta’ Settembru, 2005. Meta waslu lejn l-art, il-migranti ħasbu li kienu waslu Sqallija iżda ġew infurmati li l-pjanijiet inbiddlu u kienu se jitniżlu Malta.
L-akkużat qal li huwa prova jiġi Malta biex jingħaqad ma’ martu u l-erba wlied. L-akkużat sostna li huwa kien passiġġier bħall-oħrajn fil-kosta Libjana, filwaqt li l-Libjani qasmuhom fi tlett gruppi.
Spjega kif huwa ntagħżel minn Osman, wieħed mill-organizzaturi Libjani, biex jiġbor il-flus. Qal li ġabar sitta u erbgħin elf dollaru Amerikan mingħand ħamsa u ħamsin persuna, u ta kollox lil Osman quddiem kulħadd.
Abayu qal li meta waslu pajjiżna, uħud mill-passiġġieri rrappurtaw lill-akkużat għax rawh jiġbor il-flus. Fix-xhieda għaxar immigranti Eritrejani qalu li huma ħallsu lil Hadish għall-passaġġ li jwassalhom l-Italja.
Fil-Qorti huwa ċaħad li kien traffikant u argumenta li bil-flus li jdaħħlu it-traffikanti, ma kienx jirriskja ħajjtu fuq il-baħar. Qal ukoll li uħud mill-passiġġieri li rrapurtawh indunaw bl-iżball u skużaw ruħhom.