Żagħżugħ ta’ għoxrin sena, magħruf li jħaddan valuri tal-lemin estrem, tressaq il-Qorti akkużat li hedded lil ommu u lis-sieħeb tagħha.
Quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammirt, Eman Cross ġie akkużat ukoll li ġarr arma tan-nar mingħajr permess, bi ksur tal-Att dwar l-Armi, u li wettaq dawn ir-reati waqt li kien taħt ordni ta’ probation maħruġa fi Frar tas-sena li għaddiet.
L-akkużat kien saħansitra tkeċċa mill-grupp tal-lemin estrem Imperium Europa.
Cross wieġeb li hu ħati tal-akkuża tal-armi u tal-ksur tal-probation, iżda mhux tal-akkużi relatati ma’ theddid.
Il-Qorti poġġiet lill-akkużat taħt ordni ta’ superviżjoni temporanja flimkien ma’ ordni ta’ trattament.
Il-Qorti laqgħet it-talba għal pleġġ, b’depożitu ta’ €300 u garanzija personali ta’ €10,000.
Il-Qorti ordnat lil Cross ukoll biex jiffirma l-għassa tal-pulizija tliet darbiet fil-ġimgħa.
Hija wissietu wkoll li jekk ikellem lil ommu u lis-sieħeb tagħha jista’ jeħel sa €7,000 multa u sentejn ħabs jew it-tnejn.