Meta dalgħodu bdiet tinstema’ l-kawża kontra l-eks Kap Eżekuttiv tal-aġenzija Infrastructure Malta, Frederick Azzopardi, id-Difiża tiegħu talbet għal rikuża tal-maġistrat Elaine Mercieca minħabba li diġà ddeċidiet fuq każ relatat.
Azzopardi qed jiġi akkużat bi ksur ta’ liġi ambjentali fuq xogħlijiet li saru f’Wied Qirda f’Ħaż-Żebbuġ.
Id-Difiża rreferiet għal każ relatat li l-Qorti ddeċidiet fuqu u dan jikkonċerna lil Anthony Camilleri, kuntrattur li kien qed jagħmel ix-xogħlijiet f’Wied Qirda.
Id-Difiża ta’ Azzopardi spjegat ukoll li l-multa li kienet ingħatat lill-kuntrattur b’rabta ma’ dan il-każ tħallset, u għalhekk m’hemmx każ.
Qalet ukoll li hemm akkużi li għandhom jiġu preskritti.
L-Avukati ta’ Frederick Azzopardi spjegaw kif il-Maġistrat Elaine Mercieca jeħtieġ tirrikuża ruħha kienet iddeċidiet hi fuq il-każ tal-kuntrattur li kien ġie mmultat €36,000.
Għat-talba ta’ rikuża, il-Qorti mistennija tiddeċiedi fis-seduta li jmiss nhar is-27 ta’ Settembru.
Frederick Azzopardi wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u għalih dehru l-Avukati Stephen Tonna Lowell, Stefano Filletti, Rachel Powell u Ana Thomas.
Intant il-Maġistrat Mercieca ordnat li Amy Brincat, id-Direttur għall-Infurzar tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (l-ERA), li iffirmat l-ittra tal-multa ppreżentata fil-Qorti, biex titla’ tixhed.