Il-Unjin tal-Għalliema, l-MUT, fetħu każ quddiem it-tribunal industrijali f’isem Mario Mallia.
Dan wara li ftit tal-ġimgħat ilu, Mallia li kien is-Surmast tal-Kulleġġ St Albert, tkeċċa mill-kariga li kien ilu jokkupa għal iktar minn 16-il sena. Huwa tneħħa mill-Kap tal-istess Kulleġġ, li huwa tal-Ordni Dumnikana.
L-Unjin qed tagħti s-sapport kollu tagħha, kemm lis-Sur Mallia u anki lill-istaff tal-iskola, fejn stqarru li lkoll trid issir ġustizzja magħhom.
Il-President tal-MUT, Marco Bonnici, spjega li fil-jiem li għaddew, il-unjin ħadet numru ta’ passi oħra, fosthom li twieġeb għall-ittri leġali ta’ intimidazzjoni mir-Rettur tal-Kulleġġ tal-Kulleġġ fil-konfront ta’ tlett edukaturi tal-Kulleġġ.
Il-Bord tal-Kulleġġ u r-Rettur ċaħdu kategorikament l-allegazzjonijiet li Mario Mallia tkeċċa minħabba kwistjonijiet li jduru mal-politika dwar l-inklużjoni. Fi stqarrija kienu qalu li Mallia twaqqaf minn xogħlu minħabba kwistjonijiet maniġerjali u proċeduri li ilhom jinstemgħu u li ma ġewx riżolti.