Stephen Chircop ta’ 56 sena minn Ħaż-Żebbuġ ngħata sentenza sospiża wara li seraq mobile u żewġ basktijiet.
Il-każ seħħ ilbieraħ fil-Belt Valletta meta daħal rapport għand il-Pulizija li nsterqu żewġ basktijiet minn stabbiliment.
Fil-Qorti ntqal kif sakemm kienu qed jiġu elevati l-filmati mill-kameras tas-sigurtà l-Pulizija ġiet infurmata b’serq ta’ mobile minn fuq persuna li kienet mixja fil-Belt stess.
Huwa ġie mixli wkoll li kiser l-ordni għall-libertà proviżorja b’rabta ma’ reat ix-xahar li għadda u li kien reċediv.
Id-difiża argumentat li r-raġel jinsab f’qagħda prekarja, hekk kif kellu sekwestru tal-assi tiegħu minħabba ħlas ta’ vettura li ma jagħmilx użu minnha.
Il-Prosekuzzjoni u d-difiża qablu li l-valur tal-basktijiet kien ta’ madwar €20 u l-mobile ġie ritornat għand sidu.
Kien innotat ukoll li r-raġel kellu problema tal-alkoħol fil-passat iżda li kien indirizzaha.
Chircop wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u b’hekk il-Qorti sabitu ħati.
Il-Prosekuzzjoni kienet immexxija mill-Ispettur Gabriel Spiteri.
Il-Qorti għaldaqstant ikkundannatu għal sitt xhur priġunerija sospiżi għal tmintax-il xahar u ħarġet ordni ta’ probation, filwaqt li kien ordnat iħallas il-valur tal-basktijiet fi żmien sitt xhur.