Intlaħaq ftehim bejn ir-residenza San Vinċenz de Paul u l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Mind Sports, biex tul is-sena li ġejja, jiġu organizzati sessjonijiet ta’ logħob għar-residenti, li b’mod speċifiku, jieħdu ħsieb is-saħħa mentali tal-anzjani.
Fil-fatt, l-inizjattiva tinkludi logħob bħaċ-chess u backgammon, flimkien ma’ kompetizzjonijiet u attivitajiet oħra li huma magħrufin li jrawmu ħiliet aħjar tal-ħsieb.
Din l-inizjattiva se tipprovdi qafas li jagħti opportunità lill-anzjani biex jissoċjalizzaw iżjed bejniethom u jikkompetu ma’ residenti oħra f’atmosfera soċjali u ta’ ħbiberija.
Dan jgħin ukoll biex jgħolli l-ispirtu u l-moral tal-anzjani li għaddew minn sentejn iebsa ħafna ta’ pandemija u distanza soċjali.
Dan il-logħob qed isir f’sessjonijiet ta’ sagħtejn kull ġimagħtejn, fejn ir-residenti qed jinvolvu ruħhom kemm fit-teorija u anki fil-prattika marbuta ma’ dawn l-attivitajiet.
F’kull sessjoni jkun hemm żewġ persuni mill-organizzazzjoni volontarja tal-Mind Sports, li twaqqfet apposta biex tintroduċi l-idea ta’ dawn l-attivitajiet fost ġenerazzjonijiet differenti biex tintlaħaq kull kategorija ta’ età.
Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela żar lill-anzjani waqt waħda minn dawn l-attivitajiet, u bl-anzjani jissoċjalizzaw fl-isfond, tkellem dwar l-importanza ħolistika ta’ ftehimiet bħal dawn.
“Diversi residenti qed jiltaqgħu flimkien fi spirtu ta’ ħbiberija biex jilagħbu dan il-logħob, bħal chess, backgammon, sudoku. Dan huwa logħob li jżomm il-moħħ attiv u nafu li jista’ jipprevjeni d-dimensja.”