Il-poplu Malti u Għawdxi qed jilqa’ bil-qalb il-ġonna u l-ispazji oħrajn miftuħa għar-rikreazzjoni li qed isiru permezz ta’ investimenti min-naħa tal-Gvern. Aktar kmieni din is-sena f’Raħal Ġdid infetaħ ġnien fil-qalba tal-lokalità.
Dan il-ġnien, li fih tħawlu mal-ħames mitt siġra, qed iservi ta pulmun aħdar f’nofs raħal urbani.
Bl-istess mod, f’Awwissu infetaħ ġnien f’nofs żona residenzjali fil-Ħamrun, u xahar qabel, f’San Pawl il-Baħar, ġie rriġenerat il-Ġnien tal-Millennju.
Riċentament ukoll, fil-Mosta ġie inawgurat Ġnien Victor Calvagna, spazju ta’ erbat elef metru kwadru li kien abbandunat u lest għall-iżvilupp, u li minflok ġie trasformat fi spazju ġdid li diġà qed jitgawda mill-familji.
Fi Ġnien Victor Calvagna, wieħed jista’ jara l-familji jqattgħu ħinhom għad-dell tas-siġar.
Familja li tkellmet ma’ ONE News qalet li dan l-ispazju huwa wieħed bżonnjuż għal-lokalità tal-Mosta.
Omm oħra mill-Mosta li tkellmet ma’ ONE News, qalet li tiftakar l-istat ta’ abbandun li kien fih dan l-ispazju sa ftit żmien ilu.
Bħal ħafna aktar Mostin, hija kuntenta li dan l-ispazju issa huwa post ta’ rikreazzjoni għaliha u binha.
Inatn, il-Ministru resposabbli mill-Ambjent, Miriam Dalli, qalet li bħalma ġie riġenerat dan l-ispazju b’mod sostenibbli, il-Gvern huwa impenjat li jibqa’ jaħdem sabiex jagħti aktar spazji miftuħa lill-familji.
Hija qalet, “Dan il-ġnien żammejna f’moħħna l-ħin kollu, s-sostenibbilità. Jiġifieri l-materjal li ntuża huwa sostenibbli. Rajna wkoll li l-passaġġi jkunu minn materjal sostenibbli biex ma ssirx ħsara lill-veġetazzjoni, għaliex irridu li noffru spazju miftuħ lill-familji, fl-istess ħin inżommu f’moħħna l-prinċipju tas-sostennibbilità. Dan il-ġnien huwa eżempju ta’ kif irridu nkomplu nibnu fix-xhur u s-snin li ġejjin.”