L-andament turistiku f’Għawdex, fil-ġimgħat li ġejjin mistenni jkun wieħed pożittiv. Dan hekk kif l-indikazzjonijiet qed juru ċifri inkoraġġanti, fejn huwa mistenni li Għawdex jerġa jara influss ta’ turisti li jaqsmu l-fliegu biex jitpaxxew bis-sbuħija li toffri l-gżira tat-tliet għoljiet.
Ikkonferma dan il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu, Joe Muscat, li f’kumment ma’ One News qal li huma ħafna dawk li jieħdu l-okkażjoni tal-festa fost il-ġimgħa biex jaqsmu lejn Għawdex.
Huwa qal, “Qed nistennew ukoll numru ta’ turisti barranin, għax nemmnu li Għawdex huwa popolari wkoll bħala destinazzjoni tas-sajf, u qed nistennew ukoll li jkollna influss ta’ Maltin li għandhom Għawdex bħala destinazzjoni għal qalbhom ħafna”.
Is-Sur Muscat qal li wara sentejn ta’ pandemija, il-qasam ta’ turiżmu f’Għawdex miexi ‘l quddiem u fid-direzzjoni t-tajba. Huwa kompja jgħid li l-ġimgħat li ġejjin se jkunu l-qofol tal-istaġun turistiku, wara sentejn illi fihom it-turiżmu kien kajman ħafna.
Is-Sur Muscat żied jgħid li dan l-influss ta’ turisti se jkollu effett fuq diversi setturi tat-turiżmu f’Għawdex, partikolarment l-akkomodazzjoni kif ukoll tal-catering.
Mistoqsi dwar kif kien l-andament turistiku f’Għawdex, Joe Muscat stqarr li filwaqt li n-numri għadhom ma laħqux dawk tal-2019 li huma meqjusa l-aqwa fl-istorja ta’ pajjiżna f’dak li għandhom x’jaqsmu turisti, l-istaġun sajfi u turistiku f’Għawdex se jkun wieħed simili għal staġuni oħra qabel ma faqqgħet il-pandemija.
Tenna, “L-andament turistiku sa issa, kienu ferm aħjar mill-elfejn għoxrin u elfejn u għoxrin wieħed. Pero, għadhom ma laħqux il-livelli li kellna qabel il-pandemija. Qed nittamaw li din is-sena nispiċċaw viċin ħafna ta’ dak li konna mdorrijin bih. Dan kemm fuq livell li għandu x’jaqsam mas-suq barrani, kif ukoll dak domestiku.”