Tnieda ktieb mill-Fakultà tal-Informazzjoni, il-Komunikazzjoni u t-Teknoloġija, l-ICT, fi ħdan l-Università ta’ Malta dwar il-proġetti klassifikati taħt bosta oqsma tal-istess fakultà.
It-temi li dan il-ktieb imiss magħhom huma diversi u jvarjaw minn teknoloġija tad-diskors u l-lingwa sa saħħa diġitali li lkoll jagħmlu parti mis-suġġetti li toffri l-fakultà.
Il-publikazzjoni ‘Edukazzjoni, Riċerka u Kollaborazzjoni’ tagħmel enfasi fuq is-suġġetti magħrufa bħala STEM, li jinkludu l-Matematika, l-Inġinerija, it-Teknoloġija u x-Xjenza, ilkoll essenzjali għar-riċerka.
Dawn is-suġġetti jagħmluha aktar faċli biex jiġu żviluppati metodi ġodda ta’ kif issir ir-riċerka li tkun aktar organizzata, preċiża u konsistenti.
L-editur u l-koordinatur tal-publikazzjoni, Conrad Attard, spjega kif fil-ktieb imniedi wieħed isib diversi proġetti minn diversi korsijiet.
Huwa qal, “Hemm diversi proġetti tal-Undergrads, jiġifieri l-istudenti li jkunu għamlu tliet snin hawn f’xi kors jew ieħor li noffru kif ukoll ftit mir-riċerka, spunti ta’ riċerka. Din il-publikazzjoni tista’ taċċessaha anki online fejn tista’ tara diversi proġetti mhux biss ta’ din is-sena imma anki tal-aħħar erba’ snin.”
Huwa żied jgħid kif dan jista’ jservi ta’ gwida wkoll għal studenti prospettivi. Id-dekan tal-fakultà, il-Professur Carl James Debono spjega għalfejn il-fakultà li jmexxi toffri korsijiet fuq medda wiesa’ ta’ aspetti tal-ICT.
Irrimarka, “Din aħna nagħmluha biex dejjem nibnu kurrikulu li hemm bżonn fl-industrija lokali u internazzjonali ħalli l-istudenti tagħna jkunu kapaċi jieħdu kwalunkwe xogħol.”
Il-publikazzjoni kienet preżentata lis-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti li tenna s-sodisfazzjon tiegħu għax-xogħol li qed issir fi ħdan din il-fakultà.
Huwa żied jgħid kif hemm aktar bżonn li jkompli jissaħħaħ l-involviment tas-suġġetti STEM li jżidu l-kompettitività tar-riżors uman li joħroġ mill-Università ta’ Malta. Il-publikazzjoni tista’ tinkiseb online minn fuq is-sit ictprojects.mt.