Malta ser terġa tkun id-destinazzjoni uffiċjali tal-klabb ta’ fama internazzjonali Manchester United hekk kif l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u Manchester United ħabbru li ser ikunu qed iġeddu il-ftehim tagħhom li permezz tiegħu il-klabb ser ikun qed jippromovi lil Malta bħala destinazzjoni turistika, mas-segwaċi u l-ammiraturi li l-istess klabb għandu madwar id-dinja u li jammontaw għal 1.1 biljun persuna.
Manchester United u Malta għandhom rabta dejjiema, li hija ikkaratterizzata minn storja twila, b’Malta hija s-sede ta’ l-eqdem klabb tas-sapporters tal-Manchester United.
Permezz ta’ dan il-ftehim, il-brand VisitMalta ser tkun qed tibbenifika minn viżibilita’ b’saħħitha waqt il-logħbiet li jintlagħab ġewwa Old Trafford, u anke fuq il-mezzi diġitali, midja soċjali, u midja stampata madwar id-dinja kollha. Id-dettalji ta’ dan it-tiġdid, kienu mħabbra waqt attivita’ li ġiet organizzata ġewwa Old Trafford, f’Manchester, fil-preżenza ta’ l-Onorevoli Clayton Bartolo, Ministru għat-Turiżmu; is-Sur Anthony Gatt, Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu; u s-Sur Carlo Micallef, Kap Eżekuttiv tal-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu.
“Il-fatt li VisitMalta ser terġa tkun l-Official Destination Partner ta’ Manchester United ser twassal għal żieda, bla preċedent, fil-viżibilita’ u koordinament tal-isforzi ta’ marketing għall-gżejjer Maltin, mhux biss fl-Ewropa iżda wkoll fi swieq long-haul bħall-Amerka, l-Ażja, u l-Ilvant Nofsani. Ninsab ottimist li dan il-partnership agreement ser jkompli jwassal sabiex Malta tiġi stabbilita bħala ċentru ta’ eċċellenza għat-turiżmu sportiv,” irrimarka l-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo.
“Waqt ix-xhur tal-pandemija, l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu kellha tkun innovativa sabiex timmassimizza il-potenzjal ta’ dan il-partnership, u dan fi żmien meta kull forma ta’ attivita’ sportiva kienet wieqfa. Dan sar permezz ta’ għadd ta’ inizjattivi, ta’ natura diġitali, intiżi sabiex jżidu l-viżibilita’ u l-engagement, fejn stajna anke nesponu s-sbuħija tal-Gżejjer Maltin mal-ammiraturi tal-Manchester United madwar id-dinja kollha, speċjalment fir-reġjun Ażjatiku, fejn Manchester United huwa rikonoxxuti bħala wieħed mill-aktar klabbs sportivi b’saħħithom fid-dinja. Hekk kif issa ninsabu deħlin għall-ħames snin oħra ta’ dan il-partnership agreement, inħarsu ‘l quddiem sabiex inkomplu nesploraw opportunitajiet ġodda, sabiex inkompli nimmassimizzaw il-benefiċċji kollha ta’ dan il-ftehim,” saħaq il-Kap Eżekuttiv ta’ l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu, s-Sur Carlo Micallef.
Id-Direttur ta’ l-Alleanzi u s-Sħubijiet ta’ Manchester United, Ali Edge tenniet kif “Manchester United u Malta għandhom relazzjoni u storja rikka u aħna ninsabu kuntenti li ser inkompli dan il-ftehim ma’ VisitMalta.
“Aħna tassew kburin b’dak li rnexxilna niksbu fl-ewwel snin tal-partnership, speċjalment f’perjodu fejn l-ivjaġġar internazzjonali kien ristrett, u nħarsu ‘l quddiem biex nkomplu dan il-ftehim ta’ suċċess għas-snin li ġejjin.”
Il-Partnership Performance Director, Liam McManus qal ukoll li “Sa’ minn meta nedejna dan il-partnership ma’ VisitMalta, flimkien irnexxilna nipprovdu, b’mod kontinwu, għarfien dwar Malta bħala destinazzjoni turistika mill-aqwa. Dan għen sabiex jinbnew pedamenti b’saħħithom biex bl-aktar mod ideali, Malta tkun f’pożizzjoni vantaġġjuża f’dak li għandu x’jaqsam l-irkupru tas-settur turistiku wara l-eqqel tal-pandemija tal-COVID-19.”
VisitMalta ser tkun ukoll qed torganizza u tieħu ħsieb li tniedi għadd ta’ offerti fuq is-sit elettroniku tagħha, liema offerti ser ikunu mmirati speċifikament lejn l-ammiraturi tal-Manchester United, u dan bil-għan sabiex dawn l-istess ammiraturi jkunu huma wkoll jistgħu jesploraw l-isbuħija tal-Gżejjer Maltin.